Alfred u George Degiorgio ressqu appell fil-qorti fejn talbu li l-każ tagħhom jinstema’ mill-ġdid fuq nuqqas ta’ smiegħ xieraq. Fl-appell li ressqu ftit aktar minn 15-il ġurnata wara li wieġbu ħatja tal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, huma qed jgħidu li l-Avukat tal-Għajnuna Legali tagħhom ma kellux ċans jipprepara għall-ġuri tagħhom u għalhekk, anke jekk ammettew, kien qed jinkiser id-driutt fundamentali tagħhom.
Minn informazzjoni li għandu NET News l-Avukati tal-aħwa Degiorgio qed jippreparaw id-difiża tagħhom fuq dan il-każ bit-tir li jekk fil-Qorti Maltija l-każ tagħhom ma jintlaqax, huwa jressqu l-każ’ tagħhom fil-Qorti Ewropea. L-aħwa ġew ikkundannati kull wieħed għal 40 sena ħabs għas-sehem tagħhom fil-karozza bomba li qatlet lill-ġurnalista barra d-dar tagħha f’Ottubru 2017.
Iżda il-qattiela kkundannati ressqu rikors ta’ appell fejn talbu li jerġa’ jibda l-proċess tagħhom bil-ġurija, anke jekk ammettew il-każ tagħhom fejn lanqas mhuma jaqblu mal-piena mogħtija fid-dawl tal-fatt li ma kellhomx għażla oħra li jammettu, għaliex ma kellhomx id-difiża b’saħħitha li għandu jkollu kull ċittadin skont il-liġi .
L-Avukati Noel Bianco u Leslie Cuschieri iffirmaw ir-rikors fil-Qorti tal-Appell Kriminali. Dakinhar li beda l- proċess tagħhom, fl- 14 taʼ Ottubru, l- aħwa qablu li jwieġbu ħatja bi skambju għal sentenzi aktar klementi, madankollu huma qegħdin jgħidu li sofrew diskriminazzjoni minħabba li l-Avukat tal-għajuna legali tagħhom, iżda mhux tal-għażla tagħhom, ma ngħatax iċ-ċans li jipprepara l-każ tiegħu mill-Qorti Kriminali Maltija.
Huma qegħdin jgħidu li aġir bħal dan imur kontra l-ispiru ta’ ‘fair hearing’ xi ħaġa li l-Qorti Ewropea temmen fih. L-aħwa Degiorgio kienu appellaw mid-deċiżjoni tal-Qorti Kriminali li kienet ċaħdet it-talba tagħhom biex il-ġuri tagħhom jiġi pospost.
George Degiorgio u ħuh Alfred Degiorgio kienu talbu lill-Qorti Kostituzzjonali tipposponi l-ġuri, u sostnew li l-avukati tal-għajnuna legali tagħhom ma kellhomx żmien biżżejjed biex jippreparaw id-difiża tagħhom. Xi ħaġa li sostnew l-istess avukati meta qalu li kellhom ħemel ta’ volumu x’jistudjaw u kien impossibbli għalihom li jagħmlu difiża kif suppost f’tant qasir żmien.
Il-Qorti Kostituzzjonali kienet ċaħdet it-talba tal-aħwa Degiorgio għal miżura interim biex tissospendi l-ġuri, u ordnatihom biex iħallsu l-ispejjeż b’rabta mat-talba li għamlu. L-avukat tal-għajnuna legali Joseph Bonnici, li kien irrappreżenta lill-aħwa Degiorgio fil-kawża kostituzzjonali, kien qal li d-difiża ma setgħetx tkunpreparata kif jixraq mill-Avukat Simon Micallef Stafrace, u dan ifssier li d-drittijiet fundamentali tal-aħwa ikunu qed jinkisru b’mod irrimedjabbli.
L-aħwa Degiorgio argumentaw u qed jerġgħu li ma kellhomx ħin biżżejjed biex isibu avukati tal-għażla tagħhom u ġew assenjati avukati tal-għajnuna legali kontra x-xewqa tagħhom. L-aħwa kienu spiċċaw mingħajr avukat wara li f’Awwissu li għadda William Cuschieri ddeċieda li ma jkomplix jidher għalihom.
F’waħda mis-seduti ta’ qabel il-ġuri l-avukat tal-għajnuna legali Simon Micallef Stafrace li kien mgħejjun mill-Avukat Martin Farrugia, qalu kellhom bżonn żmien sostanzjali biex jiffamiljarizzaw ruħhom mal-muntanja ta’ provi , li tikkonsisti f’eluf ta’ dokumenti f’dan il-każ. Micallef Stafrace qal li fin-normalità ta’ ġuri ta’ dan it-tip għandu mas-sitt xhur biex jistudja u jkun preparat għall proċess. L-aħwa Degiriogio jemmnu li jekk dan il-każ jispiċċa quddiem il-Qorti Ewropea, iċ-ċansijiet li t-talba tintlaqa’ huma tajba.
L-aħwa Degiorgio kienu fost diversi persuni li kienu ġew arrestati wara l-qtil, u tressqu fil-Qorti b’rabta ma’ dan id-delitt. Vince Muscat, magħruf bħala l-Koħħu, kien ammetta l-involviment tiegħu u ġie kkundannat 15-il sena ħabs.
Dwar dan il-każ għaddejin proċeduri wkoll kontra n-negozjant Yorgen Fenech li jinsab mixli b’assoċjazzjoni fil-qtil. Robert Agius u Jamie Vella jinsabu mixlijin li pprovdew il-bomba li biha nqatlet Caruana Galizia. Huma għadhom arrestati fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
//= $special ?>