Entitajiet tal-Gvern ħarġu €3.5 miljun addizzjonali mill-fondi pubbliċi lil ditti legali barranin għall-assistenza tagħhom fl-investigazzjoni tal-bank Pilatus, li eventwalment wasslet għal inkjesta maġisterjali dwar l-operat tal-bank, skont dokument iffirmat mill-avukat tar-Repubblika Jason Azzopardi.
Jekk dan jiġi kkonfermat, ikun ifisser li l-ispiża reali tal-inkjesta kienet ta’ €11.1, ferm aktar miċ-ċifra ta’ €7.6 miljun li ngħatat lill-parlament f’April li għadda mill-Ministru tal-Ġustizzja ta’ dak iż-żmien, Edward Zammit Lewis. Id-dokument ġie ppreżentat fl-atti ta’ kawża ta’ Repubblika kontra l-Avukat Ġenerali minħabba li l-Avukat Ġenerali jidher li ma kienitx ħerqana li takkuża diversi uffiċjali għolja ta’ Pilatus Bank, każ li huwa skedat li jkompli l-ġimgħa d-dieħla.
F’ittra ġudizzjarja ppreżentata f’Lulju, Jason Azzopardi kien iddikjara li r-rifjut konsistenti tal-Avukat Ġenerali Victoria Buttigieg li tressaq akkużi kontra individwi magħżula għall-prosekuzzjoni mill-inkjesta maġisterjali dwar l-operat tal-bank, ma kinitx raġonevoli u wriet mala fide min-naħa tal-prosekutur pubbliku.
Id-dokument ippreżentat il-Ħamis jgħid hekk: “Taħt ġurament nikkonferma li għadni kif irċivejt konferma li minbarra s-somma ta’ €7.6 miljun li kienet l-ispiża tal-inkjesta maġisterjali fil-Pilatus Bank li ntemmet f’Marzu tal-2021, tħallset is-somma ta’ €3.5 miljun,mill-kaxxa ta’ Malta minn entitajiet pubbliċi bħall-MFSA u l-FIAU għal ditti barranin (fosthom Squire Patton Briggs, ditta legali barranija) għal xogħol u investigazzjonijiet fil-bank Pilatus u liema xogħol u rapporti taw lok għall-ftuħ tal-inkjesta maġisterjali. fl-operat tal-Pilatus Bank.”
Dik l-investigazzjoni kienet bdiet “preċiżament minħabba s-suspetti qawwija tal-MFSA u l-FIAU li, fost affarijiet oħra, Pilatus Bank kien magna tal-ħasil tal-flus,” ikompli jgħid l-avukat.
//= $special ?>