Lokali Qorti

Mhux ħati li kkaġuna feriti gravi wara tilwima fi triq f’Santa Venera

Raġel ta’ 31 sena residenti Marsaxlokk ma nstabx ħati mill-Maġistrat Rachel Montebello li fid-29 ta’ Jannar tas-sena 2020 f’Santa Venera kkaġuna feriti gravi fuq raġel li kien għalaq is-60 sena f’Santa Venera wara li t-tnejn tlewwmu fi triq dejqa hekk kif l-anzjan kien qed isuq karozza u l-imputat mutur.

Il-Qorti qalet fis-sentenza tagħha li kull m’għamel Maximillian Thomas Gafa kien li ddeffenda aggressjoni xejn pjaċevoli tal-allegat vittma Carmelo Bartolo, li meta raha lill-akkużat  nieżel minn fuq il-mutur u qabad issawwat lill-akkużat quddiem martu stess. Fattur li wassal biex Gafa jiġi lliberat kienet il-kreddibilita tax-xhieda tiegħu.

L-inċident seħħ fi Triq Carini fejn Gafa lanqas ma nstab ħati li nġurja lil Bartolo u li kiser il-paċi pubblika. Carmelo Bartolo għażel li jixhed minkejja li ġie nfurmat  li sejrin jittieħdu mill-Pulizija fi proċeduri kriminali fil-konfront tiegħu dwar l-istess incident.

Bartolo spjega illi fid-29 ta’ Jannar bejn is-7.00 p.m. u t-8.00 p.m. huwa kien nieżel bil-karozza mal-mara tiegħu ġewwa Carini Street lejn id-direzzjoni Ħal Qormi, meta hekk kif wasal bejn 100 u 200 metru ‘l isfel minn fejn tispiċċa t-triq, ġie mutur b’saħħa kbira u s-sewwieq beda jagħti b’idu mal-ġenb tal-karozza fuq in-naħa tiegħu anke waqt li l-karozza kienet għadha miexja. Hawnhekk huwa waqaf u s-sewwieq tal-mutur beda jgħajjat li konna qtilnih “u għax nifqagħkom u għax ma nifqagħkomx”.

Huwa basar li Gafa għamillu ħsara mal-karozza u talbu biex ireġġa’ lura l-mutur, li kien viċin tal-karozza tiegħu għaliex kien daħal bejn il-karozza tiegħu u l-karozzi pparkjati, ħalli jara jekk għandux ħsara.

Kompla jgħid illi huwa waqaf fin-nofs tat-triq għaliex hemmhekk it-triq hija ‘one-way’ u ma jgħaddux żewġ karozzi, u niżel biex jara kellux ħsara. Żied jgħid li minnufih kif niżel mill-karozza, is-sewwieq tal-mutur telaq il-mutur minn idu u beda’ jsawwtu “sabbatni darbtejn mal-art” u mbagħad qal ukoll li “kif tani l-ewwel tliet daqqiet sabbatni mal-art, u darbtejn sabbatni mal-art u ma flaħtx għalih,”

Fisser li huwa ġarrab ġrieħi f’wiċċu, f’imnieħru u f’subajgħ1 u għamel lejl l-Isptar sal-5.00 a.m. Imbagħad żied jgħid illi l-ewwel, l-imputat kien qallu żewġ kelmiet u hu wieġbu lura iżda ma kienx tah ċans, għaliex beda jsabbtu mal-art u ma felaħx għalih – “anqas jien kapaċi niġġieled”, qal ix-xhud.

Fisser li dan kollu seħħ f’temp ta’ sekondi. Carmelo Bartolo kompla jixhed illi qal li l-ewwel huwa mar il-Polyclinic tal-Mosta fejn bagħtuh l-Isptar peress li kellu ħsara f’imnieħru, fejn hemmhekk iċċertifikaw li kellu ksur fl-għadma ta’ imnieħru.

Qal ukoll li ġarrab ‘black eye’ għaliex in-nuċċali daħal f’għajnejh u ma jistax jara minn dik l-għajn. Xehed ukoll illi għalkemm l-imputat ta xi daqqiet fil-ħġieġa u fuq il-ġenb tan-naħa tal-lemin tal-vettura tiegħu, ma kienx hemm ħsara fil-vettura.

Bartolo nnega li huwa kien ser jtajjar lill-imputat bil-vettura tiegħu u kkonferma li huwa ma kienx ra lill-imputat ġej bil-mutur, tant illi ma jafx minn fejn ġie sakemm beda jagħti fuq il-karozza tiegħu u kien proprju għalhekk li huwa waqaf.  

Huwa insista li kien l-imputat li telaq il-mutur minn idu biex jaqbad jagħtih. Ċaħad ukoll illi huwa mar iġib siġġu minn ġol-karozza tiegħu u kkonferma li wara li qam minn mal-art, l-istorja għaddiet.

Madankollu fuq mistoqsija tal-Qorti, Carmelo Bartolo kkonferma illi huwa mar għall-imputat b’siġġu “għax ifferoċjajt wara li qlajt ix-xebgħa u ridt niddefendi ruħi b’xi ħaġa … ippuntajt biex intih bih” u dan wara li qam it-tieni darba minn mal-art. Ċaħad iżda li lill-imputat tah daqqa bis-siġġu.

Ikkonferma li kull ma għamel refa’ s-siġġu mal-livell ta’ spallejh u ppuntah lejn l-imputat li dak il-ħin, kien madwar tliet piedi ‘l bogħod minnu. Carmelo Bartolo innega wkoll illi l-mara tiegħu niżlet mill-karozza biex twaqqfu milli jaggredixxi lill-imputat bis-siġġu u ddikjara illi martu “kienet mejta fl-art … bil-ħass ħażin li kellha u l-biża’”.

Imbagħad, meta reġa’ ġie mistoqsi milll-Qorti jekk kienx ra lil martu tipprova twaqqfu milli jagħti lill-imputat bis-siġġu, Carmelo Bartolo wieġeb hekk: “ma nafx jekk għamlitx hekk”. Innega wkoll li huwa pprova jagħti lill-imputat b’martell u kkonferma li huwa bis-siġġu biss għamel għalih “… u ma kienx hemm kuntatt iżjed imbagħad.”

Xehed ukoll li l-imputat baqa’ fuq il-post sakemm waslu l-Pulizija u neħħa l-‘helmet’ biss ftit qabel waslu l-Pulizija. Qal illi t-tifel tiegħu, Michael Bartolo, li jaħdem f’garaxx madwar mija u ħamsin metru ‘l isfel fit-triq, wasal fuq il-post meta kollox kien għadda iżda ma kienx ċempillu hu biex jiġi fuq il-post.

Angela Bartolo, mart Carmelo Bartolo, xehdet illi kif kienu għaddejjin bil-karozza hi u żewġha, ġewwa Carini Road Santa Venera, f’daqqa u l-ħin inqalgħet persuna fuq mutur li bdiet issabbat bis-salt fuq il-ħġieġ tal-karozza tagħhom u jgħajjat b’mod irrabbjat.

Spjegat li peress li huma ħadu qatgħa, żewġha waqaf u “bla ma ried niżel mill-karozza biex jara x’ġara” fejn is-sewwieq tal-mutur “ma tah ċans ta’ xejn. beda joffendih u jsawwtu u ħabbtu tnejn mal-art.”

Dak il-ħin hi niżlet mill-karozza biex tara x’ġara iżda meta rat lill-ieħor isawwat lir-raġel tagħha bil-ponnijiet f’għajnejh u jsabbtu mal-art u ratlu wiċċu kollu demm, kienet imwerwra u mill-ewwel ta ħass ħażin u mbagħad, waħda mill-ġirien daħħlitha għandha u għamlitilha kafe’.

Ikkonfermat illi s-sewwieq tal-mutur baqa’ bil-‘crash helmet’ u ma kienx għadu neħħih sakemm daħlet għand il-ġara u fil-fatt, ma ratux bla ‘helmet’ f’rasu. Imbagħad, meta ħarġet iktar tard, kien hemm il-Pulizija u l-ġlieda kienet waqfet.   Angela Bartolo kkonfermat li hi ma semgħetx x’kien qal is-sewwieq tal-mutur lil żewġha u ma tiftakarx x’semgħet wara li ħarġet mill-vettura u kkonfermat ukoll li ma kienetx effettivament semgħet lis-sewwieq tal-mutur joffendi lil żewġha u jkellmu ħażin.

Xehdet illi żewġha waqa’ mal-art meta l-persuna l-oħra imbottatu u dan ġara “xi darbtejn”; imbagħad, meta ħarġet mill-vettura semgħet lill-ieħor jgħajjat iżda mill-ewwel taha ħass ħażin x’ħin rat lil żewġha mal-art.

Ikkonfermat ukoll li hija assumiet li s-sewwieq tal-mutur kien ta bil-ponn lil żewġha f’wiċċu u dan mhux għaliex ratu jagħmel hekk, iżda “għax rajtu wara bid-demm ġo wiċċu” .

Mistoqsija jekk hux minnu li żewġha ħareġ siġġu minn fuq wara tal-vettura tiegħu biex jagħti bih lis-sewwieq tal-mutur, Angela Bartolo kkonfermat li hu minnu illi żewġha ġab siġġu mill-karozza qabel taha l-ħass ħażin, iżda insistiet li żewġha m’għamel xejn bis-siġġu u żammu f’idejh.

Ikkonfermat ukoll illi żewġha ġab is-siġġu mill-karozza qabel rat lis-sewwieq tal-mutur jimbottah għalkemm wara, stqarret li ma tiftakarx sew għaliex kien għadda ż-żmien u ma setgħetx tiftakar lanqas jekk lir-raġel tagħha ipprovatx iżżommu milli jagħti lill-ieħor bis-siġġu, anke għaliex twerwret meta rat lill-ieħor jimbotta lil żewġha.

Imbagħad reġgħet bidlet il-verżjoni u qalet li s-sewwieq tal-mutur imbotta lil żewġha darbtejn qabel mar iġib is-siġġu u sostniet li mar iġib is-siġġu biex jiddefendi ruħu bih

Maximilian Thomas Gafa’ xehed illi għall-ħabta tas-6.30 p.m jew 7.00 p.m. kien ħiereġ bil-mutur mill-parkeġġ tal-post tax-xogħol ġewwa l-Ħamrun u wara li mexa xi 30 metru, jara karozza ġejja b’veloċita’ minn triq laterali u baqgħet ħierġa u għal naqra ma daħlitx ġo fih. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Roderick Attard.