“Irridu nibqgħu magħqudin. Flimkien, inkunu aktar b’saħħitna”.
Huwa dan il-messaġġ li wasslet il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola meta l-Ħamis wara nofsinhar laqgħet fi Brussell lill-Prim Ministru l-ġdid tal-Italja Giorgia Meloni.
Metsola fakkret kif l-Italja minn dejjem kellha sehem ewlieni fil-proġett Ewropew. U issa aktar minn qatt qabel hemm bżonn ta’ ħidma magħquda flimkien; specjalment fl-ambitu ta’ dak li qed jiġri fil-Lvant tal-Ewropa u l-kriżi tal-enerġija.
Din kienet l-ewwel laqgħa li kellha Meloni fi Brussell, fejn hi stess għażlet li jkollha taħdidiet ma’ Metsola bħala l-ewwel impenn uffiċjali tagħha fuq livell Ewropew.
Giorgia Meloni insistiet li l-Gvern tagħha se jwassal spirtu pożittiv u sens ta’ impenn. U għalhekk, qalet Meloni, il-vuċi tal-Italja fl-Ewropa se tibqa’ b’saħħitha.
Ix-xahar li għadda, Giorgia Meloni kienet eletta l-ewwel Prim Ministru mara tal-pajjiż.
Hi ħadet il-ġurament tagħha fit-22 t’Ottubru, u qed tmexxi Kabinett li fih b’kollox 24 Ministru – 6 minnhom nisa.
//= $special ?>