Lokali Qorti

Sentenza sospiża għal Spanjol wara ammissjoni ta’ “hit and run” f’Ħal Luqa

Spanjol ta’ 26 sena u liu jaħdem Malta bħala Inġinier ġie kundannat sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin wara li ammetta quddiem il-Maġistrat Lara Lanfranco li kmieni filgħodu nhar it-Tlieta tajjar anzjan ta’ 85 sena bil-vettura tiegħu f’Ħal Luqa, f’każ ta’ “hit and run”. Huwa ammetta wkoll li għamel ħsara fuq żewġ karozzi oġra u ġie wkoll immultat 500 ewro u kellu l-liċenzja sospiża għal sitt xhur.

Megħjun minn traduttriċi, Javier Presmanes Serrano minn Santander ġie mitlub jerġa’ jikkonferma l-ħtija tiegħu kif tgħid il-liġi, ammissjoni li ma reġax lura minnha u għal darba oħra wieġeb ħati tal-akkużi kollha miġjubin kontrih. Fil-Qorti, il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Antonello Magri kkonfermat li l-akkużat ta ruħu b’idejh wara li ċemplulu l-Pulizija.

L-avukat Ishamel Psaila wkoll qabel ma’ dak li qalet il-prosekzuzzjoni fejn qal li Serrano ikkopera mal-Pulizija u kien qed jammetti l-ħtija tiegħu fi stadju bikri u li dan kien sempliċi inċident “u ma seħħx bi qżież”. Hu qal ukoll li l-akkużat għandu xogħol stabbli bħala inġinier f’Malta.

Għaldaqstant, fid-dawl ta’ dan kollu, il-Qorti kkundannat lir-raġel sentejn ħabs sospiża għal erba’ snin. Hu ġie mmultat €500 u ġie ordnat li l-liċenzja tiegħu tiġi sospiża għal sitt xhur. Wara li tagħat is-sentenza Il-Maġistrat Lanfranco spjegat lill-akkużat li għandu erba’ snin biex ma jikkommetti l-ebda reat u wissietu li tul dan iż-żmien se jkollu dawn is-sentejn ħabs imdendlin fuq rasu.

L-inċident seħħ għall-ħabta tal-5.30 am. fi Triq Ċensu Decandia bl-anzjan jittieħed l-Isptar Mater Dei bi ġrieħi serji. Fl-istess inċident żewġ karozzi li kienu pparkjati sofrew xi ħsarat ukoll. Għall-bidu, ir-raġel ma nstabx minħabba li baqa’ sejjer minn fuq il-post imma ftit sigħat wara l-inċident, hu ġie arrestat mill-Pulizija f’Ħal Luqa stess.