Lokali Qorti

18-il xahar ħabs fuq frodi u passat kriminali

Raġel ta’ 29 sena residenti Ta’ Xbiex ġie kundannat 18-il xahar ħabs mill-Maġistrat Rachel Montebello wara li ammetta li f’Lulju ta’ sentejn ilu wettaq frodi ta’ aktar minn 4,000 ewro fil-konfront ta’ tliet persuni. Il-Qorti ħadet nota tal-kondotta ta’ Daniele Aquilina meta ġiet biex tagħti s-sentenza tagħha. Hija qieset il-fatt li mhux l-ewwel darba li l-imputat wettaq reati ta’ frodi.

Il-Qorti qalet li fuq ammissjoni volontarja u inkondizzjonata tal-istess imputat, fil-preżenza tal-Avukat difensur tiegħu, m’ghandhiex triq oħra ħlief li ssib lil Aquilina ħati tal-akkuża miġjuba fil-konfront tiegħu. Għall-finijiet tal-piena, il-Qorti kkunsidrat diversi fatturi, fosthom il-gravità tar-reati li nstab ħati tagħhom l-imputat, fejn jirriżulta illi l-valur tal-frodi imwettaq minnu għad-dannu tal-vittmi f’dan il-każ kien ta’ xejn inqas minn €4,100 komplessivament.

Jirrizulta li l-imputat li għandu storja twila ta’ kriminalità li bdiet meta kellu biss 15-il sena. Il-Qorti osservat ukoll illi l-imputat, minkejja li ripetutament matul is-snin ingħata sanzjonijiet fil-komunita’ minflok pieni ta’ ħabs jew multi, evidentement ma għarafx jużufruwixxi minn dawn l opportunitajiet biex jindirizza ċ-ċirkostanzi problematiċi f’ħajtu, fosthom il-problema akuta tad-droga.

Bla dubju qalet il-Qorti li l-problema ta’ droga hija l-ixprun tad-delinwkenza tiegħu u għalhekk mhijiex serja timponi
sanzjoni fil-komunità minn dawk maħsuba taħt il-Kapitolu 446 tal-Liġijiet ta’ Malta (Att dwar il-Probation). Għall-Qorti, il-vizzju tad-droga ma tista’ qatt tiġġustifika l-kommissjoni tar-reati li jitwettqu biex jiġi sostnut dan il-vizzju, jew jitqies bħala xi skuża.

Għall-kuntrarju, il-vizzju tad-droga bħala ta’ reati kriminali jfisser biss illi l-Qorti għandha tqis li tuża l-poteri diskrezzjonali u l-għodda legali li għandha a dispożizzjoni tagħha, biex tassigura li l-awtur tar-reati jingħata l-għajnuna kollha li jeħtieġ biex jegħleb dan il-vizzju ikrah u distruttiv mhux biss tal-ħajja tiegħu nnifsu, iżda wkoll tas-serenita’ tal-familja tiegħu, tal-vittmi tar-reat u tas-soċjeta’ in ġenerali.

Madanakollu, l-Qorti ma tistax ukoll ma tosservax illi l-Prosekuzzjoni naqset milli tesebixxi fl-atti, kopja tad-digriet tat-22 ta’ Ġunju 2020, li permezz tiegħu l-imputat ingħata l-ħelsien mill-arrest u għalhekk ma’ tistax tkun taf l-ammont li ġie stabbilit fil-ħelsien mill-arrest taħt garanzija tas-somma ta’ konfiska ta’ dak l-ammont.

Jirrizulta wkoll illi l-Prosekuzzjoni naqset milli titlob ukoll ir-revoka tad-digriet mogħti fit-22 ta’ Ġunju 2020 li bih l-imputat kien ingħata l-ħelsien mill-arrest u l-arrest mill-ġdid tiegħu f’każ ta’ ħtija. Il-Qorti qalet li ż-żmien li l-imputat għamel taħt arrest preventiv irid jitnaqqas mill-piena mogħtija. Il-Qorti ordnat ukoll lill-ħati jirrifondi l-flus ffrodati lill-vittmi tiegħu. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mil-Ispettur Jonathan Ransley.