Lokali

“Bżonn ta’ ġenerazzjoni ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli” – Bernard Grech

“Ngħidu aħna, minbarra li neħtieġu ċittadini li jisseparaw bir-reqqa l-iskart tagħhom, neħtieġu gvern li jaċċertana li l-iskart isseparat isir riżorsa u mhux jerġa’ jitħallat u jintefa’ xorta waħda ġo xi miżbla. Għandna Gvern li l-uniku soluzzjoni fil-qasam tal-iskart hija li jgħolli l-miżbla tal-Magħtab. Jew minbarra li neħtieġu ċittadini li jibżgħu għall-enerġija u jduru għal sorsi tal-enerġija rinnovabbli, neħtieġu gvern li jmexxi bl-eżempju, jinċentiva u jħares l-investimenti tan-nies f’dan il-qasam u mhux jisraq liċ-ċittadini tiegħu stess.”

Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech fir-replika għall-budget nhar it-Tnejn li għadda, meta kien qed jitkellem dwar l-ambjent, fejn saħaq li jeħtieġ li kull ċittadin jagħmel il-parti tiegħu u minn naħa tiegħu, il-Gvern għandu jfassal u jwettaq politika li tiżgura li l-bidla li jagħmel kull ċittadin tissarraf f’kisbiet kbar għall-pajjiż kollu.

Bernard Grech qal li r-realtà ta’ pajjiżna hi li l-poplu qed jitnaqqarlu l-aħħar ftit spazju miftuħ li baqalu bil-poplu kuljum iħossu aktar fgat.

“Qalulna li se jtejbu l-ambjent … issa din ma nafx jekk il-poplu jibkix jew jidħakx … kellhom pjan qalulna … veru kellhom pjan … għax ġabuna wieħed mill-aktar pajjiżi fejn għandna arja mniġġsa fl-Ewropa … fejn fallejna fir-riċiklar tal-iskart … ma kienx hawn biċċa art li ma rawx kif għamlu biex kissruha … kissirtu l-karatteristiċi u l-identità tal-lokalitajiet … tal-irħula … l-aqwa li ta’ madwarkom jibqgħu għaddejjin.”

Il-Kap tal-PN insista li l-ħolqien u l-ħarsien tal-ispazji miftuħa fl-irħula u l-bliet tagħna, u l-konservazzjoni tal-irkejjen mhux mittiefsa fil-kampanja Maltija huma prijorità ewlenija għal pajjiżna u għall-politika tal-Partit Nazzjonalista.

Il-Kap tal-PN Bernard Grech għamel aċċenn għall-fatt li ftit tal-gimghat ilu, meta l-Prim Ministru tkellem fin-Nazzjonijiet Uniti, huwa semma’ t-tibdil tal-klima mhux anqas minn tnax-il darba fid-diskors u wissa bir-riskji tal-livelli tal-baħar li qed jogħlew. Wissa ukoll bl-iskarsezza tal-ilma u li għandna bżonn ta’ ppjanar u mmaniġġjar tal-ilma, in-nuqqas t’hekk inkella jitfa’ pressjoni kbira fuq iċ-ċittadini u fuq l-ekonomija.

Fl-aħħarnett Robert Abela għamel appell biex nissalvagwardjaw l-ibħra tagħna… Iżda umbagħħad  f’diskors sħiħ tal-Budget, il-problema tat-tibdil tal-klima ma ingħatat l-ebda importanza għaliex il-Gvern m’għandu l-ebda soluzzjoni għal din il-problema li aktar kemm jgħaddi żmien aktar qegħda tħalli impatt negattiv fuq l-ambjent ta’ madwarna.

Bernard Grech saħaq li l-ambjent jinsab fil-qalba tal-kwalità tal-ħajja tagħna u l-PN iħaddan dawn il-prinċipji għax l-ambjent hu patrimonju fraġli u pajjiżna jiddependi fuqu, kemm soċjalment u anke ekonomikament. Għalhekk għandu d-dover li jieħdu ħsiebu għal uliedna …. għal kuntlarju tal-Gvern li ma joffri l-ebda vizjoni fit-tul għal pajjiżna.

Dwar l-emissjonijiet, Bernard Grech fakkar kif l-Unjoni Ewropea mhux l-ewwel darba li kkritikat lill-Gvern Malti għan-nuqqasijiet f’dan il-qasam. Il-Gvern kien obbligat ifassal rapport dwar il-pjan għad-dekarbonizzazzjoni.

Bernard Grech sostna li neħtieġu pjan fit-tul, bl-istess miri tal-Kummissjoni Ewropea fil-Patt Ekoloġiku Ewropew, biex l-attività tal-bniedem fil-forom kollha tagħha tħalli l-inqas impatt u impronta possibbli fuq l-ambjent tagħna.

Għalhekk Bernard Grech ħeġġeġġ lill-Gvern sabiex tinħoloq infrastruttura ġdida għall-ġenerazzjoni ta’ enerġija alternattiva u rinnovabbli mix-xemx, mir-riħ u/jew mill-mewġ li jħallu l-inqas impatt fuq l-ambjent u fuq l-estetika ta’ pajjiżna.

“Aħna l-partit tal-ambjent. Ghaliex il-bniedem irid tassew jirrispetta in-natura li fi ħdanha jgħix. Ambjent b’saħħtu jassigura kwalita’ ta’ hajja dejjem ahjar ghall-poplu taghna.”