Lokali

AĠĠORNATA: Ħaddiem Tork fil-periklu tal-mewt wara inċident fis-sit fejn qed tinbena l-iskola tal-Imsida

Ambulanza u Pulizija ssejħu fl-Imsida wara inċident illi seħħ ftit wara l-11am fiz-zona fejn qed tinbena l-iskola Primarja.

Nies li jinsabu fil-post qalulna li r-raġel huwa ħaddiem barrani li waqa’ minn għoli. Fil-fatt, aktar tard, il-Pulizija kkonfermawlna li l-ħaddiem huwa Tork.

Ir-raġel għandu 43 sena u jinsab fil-periklu tal-mewt.

Hu inħareġ mill-post fejn waqa’ bl-assistenza tat-tim minn Mater Dei, u ttieħed lejn l-isptar bl-ambulanza fejn aktar tard ġie ċertifikat li sofra feriti serji u qed jinżamm fl-ITU.

Jidher li l-ħaddiem waqa’ minn għoli ta’ sular u nofs, u biex jassistu kien hemm ukoll membri tas-CPD.

Il-Maġistrat tal-Għassa Astrid May Grima ħatret inkjesta.

Il-Pulizija qed tinvestiga.