Enerġija Ewropa Internazzjonali

FL-ITALJA: Tnaqqis fil-kontijiet tad-dawl

Il-kontijiet tad-dawl fl-Italja għax-xahar ta’ Ottubru naqsu bi kważi 13%.

Din l-aħbar ħarġet mill-Aġenzija governattiva ARERA, wara li daħlu fis-seħħ kalkoli ġodda fejn il-ħlas tal-kontijiet ikunu jirriflettu l-konsum ta’ kull xahar u mhux fuq kull kwart tas-sena. Dan il-metodu daħal fis-seħħ biex il-konsumatur ma jkunx misruq, u l-kont ikun ġust u jirrifletti l-konsum veru.

L-Aġenzija tal-Gvern Taljan se tibqa’ tagħmel l-almu tagħma biex wieħed ma jaħlix enerġija, u li din tkun  effiċjenti fil-mod kif jinħadmu l-kontijiet.

L-Aġenzija ARERA qalet li t-tariffi l-ġodda tal-gass għax-xahar ta’ Ottubru se jkunu qed jevitaw daqqa oħra għall-familji. Intqal li l-Italja bħalissa għadha mhix protetta mill-emerġenza tal-enerġija u fix-xhur li ġejjin il-prezzijiet jistgħu jogħlew.

Il-Ħamis, il-Prim Ministru Giorgia Meloni saħqet fuq il-ħtieġa li l-Unjoni Ewropea tieħu azzjoni deċiżiva ħalli tindirizza l-kriżi tal-enerġija, biex fuq kollox jigwadanjaw in-nies, u mhux ibati l-poplu għan-nuqqasijiet fit-tmexxija.

F’kummenti li tat it-Tnejn li għadda lil Net News, anke il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola saħqet li bħalissa għaddejja ħidma biex ċertu piżijiet fuq il-poplu Ewropew jittaffew.