Il-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelensky, akkuża lir-Russja dwar strateġija ta’ ‘terroriżmu kontra ċ-ċivili Ukreni’ permezz ta’ attakki speċifiċi kontra s-servizzi tad-dawl….Dan bil-ħsieb malinn li l-Ukreni jbatu l-agħar tax-xitwa qalila mingħajr il-mezzi tas-sħana, bil-Kremlin ta’ Moska qed jidher determinat li jivvendika ruħu maċ-ċivili għall-aħħar umiljazzjonijiet militari li spikkaw tul dawn l-aħħar ġimgħat.
L-attakki tar-Russi fuq in-network tal-enerġija fl-Ukrajna saru konsistenti u Zelensky qal li ‘il fuq minn 4.5 miljuni jinsabu mingħajr dawl fost sitwazzjoni inċerta u ddisprata.
Kollox jindika li l-Kremlin irid ikompli bl-attakki bil-missili u d-drones fuq il-faċilitajiet tad-dawl bħala tattika biex jintimida lill-poplu Ukren li ilu x-xhur jirreżisti l-invażjoni tal-Armata Russa…..Invażjoni li ilha għal xhur minkejja l-ftaħir inizjali tal-Kremlin li l-Ukrajna kellha ċċedi fi kwistjoni ta’ ġimgħat.
Id-disfatti militari għar-Russi qed ikomplu meta hu kważi ċert li t-truppi Russi qegħdin jirtiraw diġà mill-belt ta’ Kherson, fin-nofsinar tal-Ukrajna, u li kienet fost l-ewwel bliet li kienet waqgħet f’idejhom waqt l-ewwel fażi tal-invażjoni.
Fil-fatt, l-uffiċjali tal-Punent qalu li l-ewwel Russi li rtiraw minn Kherson kienu l-ogħla uffiċjali tal-qawwiet tal-Kremlin, U l-pjan tar-Russi issa qed jibbaża fuq it-tisħiħ tad-difiżi man-naħa l-oħra tax-Xmara Dnipro, bħala parti minn strateġija biex huma jikkonsolidaw il-linji ta’ difiża lejn iz-zoni tal-lvant u n-nofsinar tal-Ukrajna qabel l-agħar tax-xitwa.
Dan ukoll waqt li r-Russi għadhom determinati li jolqtu l-infrastruttura tal-elettriku fl-ibliet Ukreni li jinsabu ‘il bogħod miz-zoni tal-gwerra. Fil-fatt, il-President Zelensky qed jgħid li r-Russi, matul ix-xahar li għadda, irnexxielhom jeqirdu talanqas terz tal-power stations fl-Ukrajna.
Għaldaqstant, il-Gvern Ukren qed ikun kostrett li jappella lill-poplu tiegħu biex juża enerġija mill-anqas bil-ħsieb li l-provvista sservi aktar ma tidħol ix-xitwa.
Iżda r-realtà hi li miljuni ta’ konsumaturi jinsabu miċħudin mis-sorsi tal-enerġija, b’Moska, fi kliem Zelensky, ma tidhirx lesta li twaqqaf din il-kampanja terroristika li minħabba fiha qegħdin ibatu dejjem aktar nisa, tfal u persuni vulnerabbli.
Il-President Ukren qal li l-attakki kontinwi ta’ Moska fuq l-infrastruttura tal-enerġija huma sinjal ta’ dgħjufija wara li l-qawwiet Russi ma rnexxilhomx jieħdu l-artijiet Ukreni li xtaqu.
‘Ir-Russja ma rnexxilhiex tegħleb lill-Ukreni fil-kampijiet tal-battalja, għaldaqstant qed issir dejjem aktar iddisprata biex issib mezzi oħra ħalli, mingħalija, tkisser il-moral taċ-ċittadini’, enfasizza Volodymyr Zelensky.
//= $special ?>

