Il-Ġimgħa l-Partit Nazzjonalista ippreżenta Mozzjoni biex ikunu emendati l-Avviżi Legali 243 u 244 tal-2022 ħalli kull min insteraq mis-sistema tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma jkun jista’ jieħu lura mhux biss il-flus li ħallas żejda fis-sena 2022, iżda anke dawk li ħallas żejjed fis-snin ta’ qabel.
Il-kontenut tal-Avviżi Legali jinforza dak li ilu jsostni l-Partit Nazzjonalista dwar kif għandu jinħadem il-“konsum kumulattiv annwali”. Iżda biex tassew issir ġustizzja, dawn l-Avviżi Legali jridu jidħlu fis-seħħ b’effett mill-1 ta’ Jannar 2014 meta l-konsumaturi bdew jirċievu l-kontijiet attwali kull xahrejn u mhux biss mill-1 ta’ Jannar 2022, kif jgħidu l-Avviżi Legali li ppubblika l-Gvern.
Il-Partit Nazzjonalista ilu mill-2018 li tkellem dwar dan is-serq u kkonfermah b’eżerċizzju wiesgħa li kien għamel. Il-Gvern innifsu kien irrikonoxxa u ammetta li dan qed jiġri, iżda ħallieh għaddej għal snin sħaħ. Dan kien ġie kkonfermat ukoll mill-Awditur Ġenerali u f’Lulju li għadda anke mill-Qorti.
L-anqas ħaġa li wieħed jistenna meta jkun insteraq hu li mhux biss is-serq jieqaf, iżda li jieħu lura kulma jkun ħallas żejjed.
Din il-Mozzjoni ġiet imressqa mid-Deputati Nazzjonalisti Mark Anthony Sammut, Ryan Callus, David Agius u Karol Aquilina.
//= $special ?>