Il-Ġimgħa filgħaxija fil-Palazz Verdala saret it-tnedija uffiċjali tal-ktieb ‘Eddie – Is-Sewwa Jirbaħ Żgur’ miktub mill-ġurnalist Dione Borg.
Dan il-ktieb jitfa’ dawl fuq fuq il-ħajja tal-President Emeritu, eks Kap tal-Partit Nazzjonalista u eks Prim Ministru li biddel wiċċ il-politika Maltija, Eddie Fenech Adami.
Il-ktieb li huwa mgħoni b’diversi ritratti u saħansitra kitbiet ta’ Eddie Fenech Adami nnifsu, jiffoka b’mod specjali fuq kif il-viżjoni politika tiegħu rnexxielha twassal b’suċċess biex Malta biex ikollha posta fuq il-mejda Ewropea bħala stat membru tal-Unjoni.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li permezz ta’ dan il-ktieb wieħed jista’ jiftakar fl-istorja li għex il-poplu Malti fl-imgħoddi. Huwa ħeġġeġ lill-ġurnalisti biex ma jiddejqux jiktbu dwar l-esperjenzi li jgħaddu minnu… bħalma għamel l-awtur Dione Borg. Bernard Grech qal li dan il-ktieb jiddolumenta parti mill-istorja politika ta’ pajjiżna… ta’ peruna li emmen f’pajjizna… persuna li qatt ma qata’ qalbu minn xejn. Saħaq li llum il-PN għadu jsawwar il-politika tiegħu madwar il-bniedem. Il-Kap tal-PN tkellem dwar kemm Eddie Fenech Adami baqa’ dejjem viċin in-nies u mexxa lil pajjiżna bil-valuri li kien jemmen fihom. Persuna li kellu viżjoni… viżjoni li waslet għal kisbiet importanti għal pajjiżna… politiku li għamel ġid kbir lil pajjiżna.
Fid-diskors tiegħu l-President ta’ Malta George Vella rringrazzja lil DIone Borg ta’ dan il-ktieb li jiddokumenta parti mill-istorja ta’ pajjiżna. Huwa qal li dejjem kien jara fih sens qawwi ta’ direzzjoni u dixxipilna… persuna li ta ħajja ġdida lill-Partit Nazzjonalista u tejjeb lil pajjiżna. Saħaq li huwa importanti li jkun hemm l-għaqda bejn kulħadd filwaqt li tkun rikonoxxuta l-ħidma ta’ dawk kollha li kkontribwew għal pajjiżna fosthom Eddie Fenech Adami.
F’serata ppreżentata minn Louise Tedesco, l-awtur Dione Borg qal li dan il-ktieb kien il-kontribut tiegħu sabiex tkun rikonoxxuta l-ħajja u l-ħidma ta’ Eddie Fenech Adami. Dione Borg qal li permezz ta’ dan il-ktieb ried joħroġ il-karattru ta’ dan il-politiku kbir. Eddie kien dak il-politiku li kien jagħtik l-kuraġġ f’perjodi diffiċli… huwa sens ta’ ispirazzjoni qawwija fejn kien persuna li kien jibni l-politika fuq dak li kien jemmen fih. Dione Borg qal l-isem ta’ dan il-ktieb huwa l-messaġġ li fuqu Eddie Fenech Adami bena l-politika tiegħu. Sostna li s-soċjetà kollha għandha tirringrazzja lil dan il-politiku kbir li ta ħajtu għal pajjiżna.
Id-Deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami, iben Eddie Fenech Adami tkellem dwar kemm missieru kien kommess li ta’ kuljum jagħmel id-dover tiegħu kif suppost. Huwa qal li s-sewwa mhux dejjem tfisser li tkun dik it-triq l-iktar faċli, iżda għal Eddie Fenech Adami kien punt kruċjali li dejjem jagħmel dak li hu sewwa. Beppe Fenech Adami fakkar fl-avvenimenti li seħħew meta kienu daħlu fir-residenza tagħhom u kisrulhom id-dar kif ukoll dwar il-jum li fih inqatel Raymond Caruana. Quddiem dawn iż-żewġ avvenimenti ta’ dieqa, missieru kien għażel ukoll li jagħmel is-sewwa. Huwa appella biex f’kull ċirkostanza tal-ħajja wieħed jara li jagħmel l-aħjar deċiżjoni u jagħmel dak li huwa sewwa.
Min-naħa tiegħu Peppi Azzopardi qal fl-imgħoddi, meta kienu daħlulhom fid-dar tagħhom, Eddie Fenech Adami kien ħafer lil dawk li beżżgħu lil familtu.. hekk kif il-familja kienet ferm importanti għalih. Huwa fakkar fl-ewwel meeting li għamel Eddie Fenech Adami kif ukoll sensiela ta’ avvenimenti li għadda minnhom Eddie matul ħajtu fosthom id-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. Ktieb li joħroġ biċ-ċar kemm in-nies kellhom fiduċja f’Eddie u kemm hu kellu fiduċja fin-nies. Peppi Azzopardi ddeskriva lil Eddie Fenech Adami bħala persuna li dak li kien jgħid kien jgħixu…. persuna b’umanità kbira.
L-eks Kummissarju Ewropew u eks Ministru tal-Affarijiet Barranin Tonio Borg irrakkonta numru ta’ esperjenzi li għadda minnhom flimkien ma’ Eddie Fenech Adami fosthom fiż-żmien meta laħaq Kap tal-Partit Nazzjonalista. Saħaq kif Eddie jibqa’ ikona għal ħafna persuni…. fejn kulħadd għandu jkun grat għall-ħidma li għamel għal pajjizna.
Preżenti għall din iċ-ċerimonja kien hemm il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola, Presidenti Emeriti, eks Prim Ministri u Ministi, Deputati tal-Partit Nazzjonalista kif ukoll numru ta’ qraba u ħbieb ta’ Eddie Fenech Adami.
//= $special ?>