Lokali

Jaħrab mill-post wara li seraq minn ħanut f’Ħaż-Żebbuġ

Ħalliel jaħreb minn fuq il-post wara li seraq minn ħanut f’Ħaż-Żebbuġ.

Din is-serqa seħħet il-Ħamis filgħaxija għall-ħabta tas-7:00pm hekk kif il-Pulizija ġiet infurmata li seħħet serqa minn ħanut fi Vjal il-Ħelsien, Ħaż-Żebbuġ.

Il-Pulizija marret immedjatament fuq il-post fejn minn stħarriġ preliminari rriżulta li raġel mgħammad u armat b’sikkina, daħal fil-ħanut, li dak il-ħin kien hemm kaxxier, raġel ta’ 20 sena residenti Birkirkara.

L-allegat ħalliel ħarab minn fuq il-post wara li seraq xi oġġetti mill-ħanut.

Il-kaxxier ittieħed iċ-ċentru tas-saħħa fejn ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi ta’ natura ħafifa.

Il-Maġistrat tal-Għassa Lara Lanfranco ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta filwaqt li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.