Hibernians vs Birkirkara | Is-Sibt, fis-14:00 fit-Tony Bezzina Stadium
Fil-konfront tal-ġimgħa Hibernians se jkunu qed jilqgħu lil Birkirkara fit-Tony Bezzina Stadium bil-Pawlisti se jkunu qed ifittxu li jirritornaw għar-rebħ wara d-draw kontra Marsaxlokk filwaqt li l-Istripes jittamaw li jtemmu l-forma ħażina li għaddejjin minnha fejn issa ilhom bla rebħa erba’ konfronti. Hibernians se jkunu qed jilagħbu mingħajr il-midfielder Dunstan Vella li tkeċċa fl-aħħar sekondi kontra Marsaxlokk bit-tieni karta safra. It-tim immexxi minn Andrea Pisanu qabel dan id-draw kien ġej minn serje tajba ta’ erba’ rebħiet konsekuttivi u għalekk huwa importanti għalihom li jiksbu tliet punti li jarawhom jaqbżu lill-istess Hibernians u jitilgħu għall-ewwel darba fit-tielet post dan l-istaġun. Birkirkara minn naħa tagħhom ma jaffordjawx żelqa oħra wara żewġ telfiet konsekuttivi kontra Marsaxlokk u Mosta rispettivament. Minbarra li jinqabżu mill-avversarji t-tellief ta’ din il-partita jista jinqabeż minn Gudja li bħalhom għandhom 17-il punt filwaqt li Mosta u Balzan qedin biss tliet punti taħthom bi 13-il punt.
Mosta vs Ġżira United |Illum, fis-19:30 fis-Centenary Stadium
L-ewwel partita mill-għaxar ġurnata tal-Kampjonat BOV Premier se tkun dik tal-lum bejn Mosta u Gżira. Il-Mostin s’issa urew li jistgħu jagħtu logħba lil kulħadd u se jkunu ġejjin minn rebħa ta’ 2-1 kontra Birkirkara. Minkejja li se jilagħbu kontra tim b’saħħtu, Mosta kapaċi jieħdu l-punti minn din il-partita anke meta nafu li kontra l-aktar tim fil-forma Ħamrun Spartans il-Mostin kellhom prestazzjoni mill-aqwa fejn setgħu anke ħadu punt. Punt iżomm lil Mosta mal-ewwel nofs tal-klassifika filwaqt li rebħa tista tpoġġihom saħansitra mal-ewwel erbgħa. Minn naħa l-oħra Gżira għandhom bżonn rebħa biex iżommu posthom fiż-żona Ewropea u biex jirritonaw għar-rebħ wara draw u telfa ma’ Valletta u Ħamrun Spartans rispettivament. Il-Maroons jinsabu fit-tieni post tal-klassifika bi 18-il punt, 7 punti taħt il-leaders Ħamrun u punt biss fuq Hibernians, Birkirkara u Gudja.
Pietà Hotspurs vs Marsaxlokk | Is-Sibt, fis-14:00 fis-Centenary Stadium
Fil-partita li jmiss Pietà Hotspurs għandhom quddiemhom avversarju diffiċli ħafna u fil-forma hekk kif huma jaffaċċjaw lil Marsaxlokk. Minkejja waħda mill-aqwa prestazzjonijiet tal-istaġun, fl-aħħar ħarġa tagħhom Pietà sofrew it-tmien telfa staġjonali bl-iskor ta’ 1-0 fejn fallew ħafna quddiem il-lasti avversarja fl-ewwel taqsima. B’xorti tajba għalihom ħadd mit-timijiet li jinsabu f’sitwazzjoni simili tagħhom ma’ rebaħ u bejnhom u Sirens, li jinsabu fil-11-il post hemm biss tliet punti. Marsaxlokk ta’ Pablo Doffo ilhom bla telfa ħames logħbiet fejn fl-aħħar konfront kienu sfortunati mmens li qalgħu gowl fid-89 minuta kontra Hibernians biex spiċċaw ħadu punt fi draw ta’ 1-1. Huma se jkunu qed jilagħbu mingħajr Leandro Agiurre li fl-aħħar partita qala’ r-raba’ karta safra. Għalkemm żgur li se jkunu qed jirrispettaw lill-avversarji Marsaxlokk għandhom opportunità li jiksbu tliet punti biċ-ċans li jkomplu tilgħajn ‘il fuq fil-klassifika u jkomplu jpattu għall-punti li fallew fl-ewwel logħbiet tal-kampjonat.
Sirens vs Gudja United | Is-Sibt, fl-16:30 fit-Tony Bezzina Stadium
Tim ieħor li dan l-istaġun qed ibati biex isib siequ huwa Sirens, li fil-konfront li jmiss se jkun qed jisfida lil Gidja United. It-tim minn San Pawl il-Baħar huwa l-uniku tim li għadu ma rebaħx meta ninsabu erba’ logħbiet ‘il bogħod mit-tmiem tal-ewwel rawnd. Uġieħ ta’ ras għal Sirens hekk kif mibarra li se jkunu mingħajr il-kowċ Winston Muscat, se jkollhom jilagħbu mingħajr Sean Cipriott li tkeċċa u qed jiskonta tliet logħbiet sospensjoni u mingħajr il-Brażiljan Weder Soares da Silva li għaqqad erba’ karti sofor. Gudja rritornaw għar-rebħ fl-aħħar partita u rebħa tkun importanti ħafna hekk kif huma jinsabu biss punt taħt Gżira li jinsabu fit-tieni post.
Floriana vs Santa Lucia | Is-Sibt, fl-16:30 fit-Tony Bezzina Stadium
Floriana jittamaw li jkomplu jibnu fuq ir-rebħa kontra Żebbuġ hekk kif il-konsistenza għal Greens dan l-istaġun hija l-problema prinċipali. Huma jinsabu fid-disa’ post bi 12-il punt, żewġ punti ‘l bogħod minn nofs il-klassifika. Gianluca Atzori se jkollu nieqes lill-Arġentin Fernando Juarez li fl-aħħar partita tkeċċa wara nofs siegħa logħob. Santa Lucia jibqgħu f’pożizzjoni kritika fl-aħħar postijiet tal-klassifika fejn anke biddlu t-tmexxija tal-iskwadra fejn temmew l-avventura tal-kowċ Spanjol Pablo Cortes Sanchez u minfloku ħatru lill-eks kowċ tal-istess Floriana Enzo Potenza. Għalkemm Potenza mhux se jkun ħadem biżżejjed mal-iskwadra biex iħalli l-impatt meħtieġ xorta waħda jista jagħti l-każ li l-preżenza ta’ tiegħu tkun ta’ arja friska għall-iskwadra tal-Yellows. Santa Lucia għandhom sospiż lill-midfielder Miguel Alba.
Valletta vs Żebbuġ Rangers | Il-Ħadd, fis-14:00 fit-Tony Bezzina
Rebħa tajba fl-aħħar ħarġa tagħhom kontra Balzan tista tkun il-bidu ta’ żmien aħjar milli kellhom Valletta s’issa fil-kampjonat hekk kif minkejja li akkwistaw erba’ punti mill-aħħar żewġ partiti xorta waħda għadhom f’pożizzjoni prekarja sitt punti biss ‘il bogħod mill-aħħar post tal-klassifika. Il-Beltin żgur li nieżlin għal rebħa biex ikompli jitbgħedu miz-żona l-ħamra bit-tama li r-riżultati tat-timijiet ta’ fuqhom ikunu jiffavorixxu lilhom. Minn naħa l-oħra Żebbuġ ikomplu jfittxu l-ewwel rebħa wara sitt logħbiet ma’ jagħmlu dan bl-iskwadra mmexxija minn Brian Spiteri għelkemm huwa tim li kapaċi jilgħab futbol sabiħ qed ibghati biex isib ix-xibka.
Ħamrun Spartans vs Balzan | Il-Ħadd, fl-16:30 fit-Tony Bezzina Stadium
Il-leaders Ħamrun Spartans se jkunu qed jagħlqu l-għaxar ġurnata tal-Kampjonat meta fit-Tony Bezzina Stadium jiltaqgħu kontra Balzan. Ħamrun huwa l-aktar tim konsistenti fil-Kampjonat b’disa’ rebħiet u draw u l-uniku tim mhux megħlub fejn fl-aħħar konfront, u forsi fl-aktar wieħed li deher diffiċli għelbu lil Gżira United 2-1. Għalkemm fuq il-karta Ħamrun huma favoriti, l-avversarju Balzan huwa wieħed li l-Ispartans dejjem bgħata miegħu. Filfatt, fil-Kampjonat fl-aħħar tmien partiti bejn iż-żewġ timijiet Ħamrun rebħu darba biss fl-istaġun 2020/2021 bl-iskor ta’ 3-2. Balzan ilhom tliet logħbiet bla ma jirbħu bl-aħħar rebħa tkun kontra Pietà ix-xahar li għadda.
//= $special ?>