Il-Partit Nazzjonalista jistenna li l-Avukat Ġenerali tiddkjara lil min tat maħfra minn akkużi kriminali (nolle prosequi) kemm ilha Avukat Ġenerali, b’mod partikolari fir-rigward tal-iskandlu tal-Bank Pilatus.
Matul konferenza tal-aħbarijiet, il-Kelliem għall-Ġustizzja Karol Aquiilna spjega li għall-Partit Nazzjonalista, mhux aċċettabbli li l-Avukat Ġenerali tieħu deċiżjonijiet bil-moħbi li bihom tfixkel jew saħansitra ġġib fix-xejn il-ħidma li jkun wettaq Maġistrat Inkwirenti f’każi serji bħal dak tal-Bank Pilatus.
L-Avukat Ġenerali qed tagħmel dan billi tati maħfriet minn akkużi kriminali permezz ta’ nolle prosequi, li hi deċiżjoni meħuda mill-Avukat Ġenerali, li ma tibdiex proċeduri kriminali fil-konfront ta’ persuna minkejja li Maġistrat ikun kkonkluda f’Inkjesta Maġisterjali li għandhom jinbdew proċeduri kriminali fil-konfront ta’ dik il-persuna.
Il-kelliem qal li l-Partit Nazzjonalista jinsisti li l-Avukat Ġenerali għandha tikkonferma li minkejja l-ordni ta’ Maġistrat li persuni involuti fl-iskandlu tal-Bank Pilatus għandhom jitressqu l-Qorti, hi tat maħfra lil persuni involuti f’ħasil ta’ miljuni kbar ta’ ewro permezz tal-Bank Pilatus. Ir-reat ta’ ħasil ta’ flus iġorr miegħu piena ta’ 18-il sena ħabs.
Ftit tal-jiem ilu, il-Ministru tal-Ġustizzja Jonathan Attard irrifjuta li jwieġeb Mistoqsija Parlamentari, li fiha ntalab jgħid mis-sena 2013 kemm-il nolle prosequi u/jew ordni li ma għandhom jittieħdu ebda proċeduri skont l-Artikolu 569(6) tal-Kodiċi Kriminali (Kap. 9 tal-Liġijiet ta’ Malta) inħarġu mill-Avukat Ġenerali u x’kienu l-akkużi li dwarhom inħareġ in-nolle prosequi u/jew ordni mill-Avukat Ġenerali.
Spjega kif il-Ministru tal-Ġustizzja rrifjuta li jagħti din l-informazzjoni u minflok, qal li “kwistjonijiet li jirrigwardaw Inkjesti Maġisterjali huma fin-natura tagħhom kunfidenzjali”. Bit-tweġiba tiegħu, il-Ministru tal-Ġustizzja kkonferma li hu kompliċi mal-Avukat Ġenerali biex jitgħatta l-iskandlu tal-Bank Pilatus.
Matul is-snin li għaddew, kienu diversi l-okkażjonijiet li fihom Membri Parlamentari staqsew lill-Ministru tal-Ġustizzja biex jagħti informazzjoni dwar in-nolle prosequi li jkunu nħarġu mill-Avukat Ġenerali. Hekk sar f’Mistoqsijiet Parlamentari li ġew imwieġba f’Settembru 2003 (Numru 1446), f’Novembru 2004 (Numru 8381), f’Jannar 2005 (Numru 10087), f’Ġunju 2018 (Numru 3825) u f’Marzu 2019 (Numru 9005).
Il-kelliem qal li l-Partit Nazzjonalista jistenna li l-Ministru tal-Ġustizzja jippubblika l-informazzjoni dwar x’maħfriet tat l-Avukat Ġenerali minn akkużi kriminali matul is-snin li għaddew, b’mod partikolari fir-rigward tal-iskandlu tal-Bank Pilatus.
F’dan il-kuntest, il-Partit Nazzjonalista qed jipproponi li meta l-Avukat Ġenerali tkun ħarġet nolle prosequi, hi tkun obbligata tinforma b’dan lill-Ministru tal-Ġustizzja u l-Ministru tal-Ġustizzja jkun obbligat li fi żmien ġimgħa jpoġġi kopja tan-nolle prosequi fuq il-Mejda tal-Kamra.
//= $special ?>