“L-istudent għandu ruħ u din ir-ruħ la tinxtara u lanqas tinbiegħ.”
Hekk saħqu l-istudenti li nġabru quddiem Campus Hub fl-Università ta’ Malta il-Ġimgħa wara nofsinhar, waqt protesta li ġiet organizzata minn 18-il ghaqda…. fosthom, il-Kunsill Studenti Universitarji, l-Għaqda Studenti tal-Liġi, il-Malta Medical Students’ Association, SACES, ESO, UESA, BETAPSI, Extinction Rebellion, Moviment Graffitti, ICTSA, MKSA, SDM, The Third Eye, ESA, PULSE, SHS, MHSA u ASCS.
L-istudenti jinsabu urtati għall-fatt li lura fl-2013 l-Università ta’ Malta wegħdet li l-biċċa art pubblika li hemm biswit l-Università se tinbidel f’parkeġġ kbir għall-istudenti tal-Università, f’akkomodazzjoni għal dawk l-istudenti li qegħdin jistudjaw f’Malta u f’post ta’ rikreazzjoni għaz-zgħazagħ kollha li jattendu l-Università ta’Malta.
Rafel Grima, rappreżentant ta’ Moviment Graffitti saħaq li din l-art ingħatat lill-kumpanija privata u inbidlet f’kumpless kummercjali – li jinkludi fih ristoranti, kafeteriji u hwienet tal-ħwejjeġ li jbiegħu prodotti bi prezzijiet li mhux affordabbli għall-istudent. Barra minn hekk, f’dan il-bini wieħed ma jsib l-ebda ħanut tal-kotba u lanqas spazji ħodor miftuħa li jistgħu jitgawdew mill-istudent.
L-istudenti li nġabru quddiem Campus hub saħqu li dan il-bini huwa mostruż u jkerraħ l-akkwati tal-Università ta’ Malta.
L-istudenti saħqu wkoll li t-tariffa tal-parkeġġ li niżlet għal €3 kuljum kienet il-qofol ta’ din il-kontroversja. Dan għaliex f’xahar sħiħ student jispiċċa jonfoq aktar minn nofs l-istipendju … hekk kif ġie kkalkulat li student se jispiċċa jonfoq mas-€60 f’xahar f’parkeġġ biss.
L-istudenti insistew li għall-Gvern ta’ Robert Abela l-Universita’ mhix priorità. Dan għaliex ftit tax-xhur ilu il-Gvern qaċċat madwar miljun ewro mill-fondi tal-Universita’.
B’hekk l-istudenti appellaw lill-awtoritajiet sabiex isibu soluzzjoni u jaraw li l-interessi tal-istudent jiġu mħarsa, għaliex huwa inaċċetabbli li kumpaniji jistgħannew minn fuq studenti li jridu jaħdmu mal-40 siegħa fil-ġimgħa biex ilaħħqu mal-għoli tal-ħajja u mal-ispejjes li ġġib magħha l-ħajja ta’ student.
//= $special ?>