Lokali Qorti

Raġel akkużat fuq ‘hold up’ ta’ ħanut ta’ Ħal Luqa

Raġel miż-Żejtun inżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti fuq akkużi li wettaq ‘hold up’ armat. L-Ispetturi Lydon Zammit, Stephen Gulia u Antonello Magri ressqu lil Charles Farrugia ta’ 44 sena miż-Żejtun quddiem il-maġistrat Astrid May Grima, fejn akkużawh b’serq aggravat bi vjolenza, mezzi, valur u ħin. Farrugia kien mixli b’rabta ma’ serqa fi ħanut Conveniance Ħal Luqa fl-14 ta’ Ottubru.

Minbarra l-akkużi ta’ serq bl-armi, Farrugia kien mixli wkoll li żamm impjegati kontra r-rieda tagħhom bil-ħsieb li jġegħlhom jgħaddulu flus jew iġiegħelhom jittrasferixxu l-affarijiet tagħhom, li ġarr sikkina fil-pubbliku mingħajr liċenzja, kiser tliet settijiet ta’ kundizzjonijiet ta’ pleġġ, mogħtija lilu f’April 2016, Novembru 2019 u Mejju 2022, kif ukoll li huwa reċediv.

Sentenzi tal-Qorti tal-passat jindikaw li Farrugia kellu problema tad-droga, li kienet wasslitu biex fil-passat instab ħati ta’ serq. Meta mistoqsi x’qed iwieġeb għall-akkużi, l-imputat qal li ta’ mhux ħati. L-Avukat Roberta Bonello, li dehret għad-difiża, ma kkontestatx il-validità tal-arrest, iżda infurmat lill-qorti li d-difiża f’dan l-istadju mhux se tkun qed titlob il-ħelsien mill-arrest.

Ir-raġel reċentement kien akkużat fi proċeduri oħra u kien qed jikkopera ma’ professjonisti mqabbda biex jiġi segwit pjan ta’ trattament għalih, qalet id-difiża.