Internazzjonali

Twitter: Tkeċċijiet tal-massa b’Elon Musk iħalli l-marka tiegħu

Eluf ta’ ħaddiema qegħdin jitilfu l-impjieg tagħhom ma’ Twitter wara li l-Kap ġdid tan-network, Elon Musk, xtara dan il-platform tal-media soċjali għal 44 biljun dollaru.

Ix-xiri ta’ Twitter kien konkluż il-ġimgħa l-oħra wara proċess fit-tul u Musk – magħruf  madwar id-dinja bħala s-sid ta’ SpaceX u Tesla – qed jistabbilixxi ruħu bħala l-uniku Eżekuttiv b’influwenza wara t-tkeċċija tal-bord preċedenti.

Fl-aħħar sigħat, ħafna mill-ħaddiema ta’ Twitter qalu li ma setgħux jidħlu fil-kontijiet tal-email tagħhom fost it-tkeċċijiet tal-massa. Il-ħaddiema kollha qed isiru jafu bid-destin tagħhom permezz ta’ messaġġ elettroniku li jiddettalja ‘ir-rwol tagħhom fil-futur’.

Dan meta Elon Musk mistenni jnaqqas it-8,000 ħaddiem bin-nofs bħala ‘strateġija biex Twitter jirkupra wara li ilu jsibha diffiċli biex jagħmel il-qligħ’

Sadanittant, tressaq rikors tal-qorti fuq bażi kollettiva (class action) kontra Twitter u li hu relatat mal-eluf tat-tkeċċijiet u l-ammont tan-notice mogħti li mhux jitqies bħala aċċettabbli.