Futbol Sport

Udinese u Lecce jiksbu punt kull wieħed

Fl-ewwel logħba mit-tlettax-il ġurnata tas-Serie A, Udinese u Lecce kisbu punt kull wieħed wara draw ta’ 1-1. Għal Udinese din kienet is-sitt partita konsekuttiva li ma rnexxilhomx jakkwistaw rebħa wara li fl-ewwel seba’ partiti tal-kampjonat huma rebħu sitt partiti. Minn naħa ta’ Lecce dan kien is-sitt draw fil-kampjonat.

Lecce fetħu l-iskor minn Lorenzo Colombo fit-33 minuta. Udinese ġabu l-iskor indaqs meta Beto għeleb lil Falcone b’xutt mill-viċin fit-68 minuta. Lecce lagħbu l-aħħar seba’ minuti bi player inqas wara li d-difensur ċentrali Dermaku weġġa’ u ma setax ikompli l-partita, bis-sostituzzjonijiet kienu diġà utilizzati kollha mit-tim ta’ Lecce.

Programm mill-iktar interessanti fl-Italja fi tmiem din il-ġimgħa fejn mingħajr dubju jispikkaw id-derby ta’ Ruma bejn Roma u Lazio kif ukoll l-hekk imsejjaħ derby tal-Italja bejn Juventus u Inter. Ma dawn wieħed irid iżid partitissima oħra importanti dik bejn l-ewwel tnejn fil-klassifika Napoli u Atalanta, filwaqt li ċ-champions Milan jospitaw lil Spezia. Is-Sibt filgħaxija it-tim fit-tieni post Atalanta jospitaw lil Napoli f’logħba ferm mistennija bejn l-ewwel tnejn fil-klasifika.

Napoli s’issa kienu magna ta’ suċċess kemm fil-kampjonat kif ukoll fiċ-Champions League fejn minkejja li fost il-ġimgħa waslet l-ewwel telfa f’Anfield kontra Liverpool, it-tim ta’ Spalletti xorta waħda rebaħ il-grupp. Dan il-konfront mistenni jkun ta’ sfida iebsa minn naħa ta’ Atalanta li jridu bilfors ir-rebħa minn dan il-konfront biex inaqqsu d-distakk minn mal-leaders. Mhux se tkun faċli għal Atalanta għaliex Napoli s’issa tista’ tgħid li ma kellhomx avversarji fis-Serie A anki jekk il-logħba tal-lejla tibqa’ miftuħa għal kull riżultat.

Minn xi żelqa ta’ Napoli jippruvaw japprofittaw Milan li jridu jirkupraw wara t-telfa xejn mistennija kontra Torino fl-aħħar logħba.Fost il-ġimgħa Milan kienu f’forma brillanti fejn kisbu rebħa kbira ta’ 4-0 fuq Salzburg u illejla f’San Siro mhux mistennija li jfallu kontra Spezia.

Il-Ħadd żewġ logħbiet jiddominaw fuq il-kumplament tal-logħbiet fejn fi Stadio Olimpico jkollna d-derby ta’ Ruma bejn Roma u Lazio. Ir-rivalita’ kbira bejn dawn iż-żewġ naħat hi mill-iktar evidenti u din is-sena iż-żewġ naħat qed jimmiraw għall-postijiet ta’ fuq. S’issa t-tnejn kellhom staġun sodisfaċenti iżda d-derby għal dawn iż-żewġ naħat hi l-qofol tal-istaġun. Xorti mħallta kellhom iż-żewġ naħat fost il-ġimgħa fejn Roma għelbu lil Ludogorets 3-1 biex se jkomplu l-avventura fl-Europa League filwaqt li lazio tilfu fl-Olanda kontra Feyenoord u kienu eliminati mill-Europa League u ġew relegati għall-Conference League.

Itemm il-programm tal-Ħadd il-klassika bejn Juventus u Inter, żewġ timijiet li ma jistgħux ifallu iktar punti biex ikomplu jsegwu lil Napoli.It-tnejn tilfu fost il-ġimgħa fiċ-Champions League iżda filwaqt li Inter kienu diġa’ kwalifikati għat-tieni rawnd, Juventus kellhom jikkuntentaw billi jkomplu l-avventura ewropea fl-Europa League.Inter għandhom vantaġġ fuq Juventus fil-klassifika u għat-tim ta’ Allegri rebħa biss tista’ b’xi mod iddawwar staġun li s’issa kien wieħed fallimentari.

Il-kampjonat Taljan ikompli s-Sibt b’erba’ partiti oħra

3:00pm  Empoli v Sassuolo

3:00pm  Salernitana v Cremonese

6:00pm  Atalanta v Napoli

8:45pm  Milan v Spezia