Bin Lorenzo Mifsud Bonnici u Catherine Buttigieg, Karmenu twieled f’familja involuta sew fil-politika. Ħuh Antoine eks Deputat Nazzjonalista u Segretarju Parlamentari filwaqt li kuġinuh, Ugo Mifsud Bonnici, eks Ministru Nazzjonalista u President Emeritu.
Karmenu Mifsud Bonnici għandu żewġ ħutu bniet u tliet ħutu subien.
Meta kien żgħir, ta’ sitt snin beda jattendi l-iskola tas-sorijiet u wara, l-iskola elementari tal-Gvern, il-Liċeo tal-Gvern u l-Università. Kien involut f’diversi għaqdiet taż-żgaħażagħ, l-aktar fiż-Żgħażagħ Ħaddiema Nsara.
L-eks Prim Ministru kien beda jaħdem bħala konsulent tal-General Workers’ Union fl-1969.
F’Mejju tal-1980, Dom Mintoff kien ħatru bħala deputat mexxej tal-Partit Laburista. U f’Ottubru tal-1981 – wara li l-Labour seraq l-elezzjoni bis-siġġijiet – Mintoff ħatar lil Mifsud Bonnici bħala s-suċċessur tiegħu, u għalhekk ġie co-opted fil-Parlament f’Mejju ta’ sena wara.
F’Settembru tal-1983, Mifsud Bonnici kien inħatar Deputat Prim Ministru u assenjat l-Edukazzjoni, responsabbiltà li żamm sal-1986.
Dan kien żmien turbulenti għall-istudenti Maltin fejn saru numru ta’ protesti minn ġenituri, u mill-poplu inġenerali biex jiġu salvati l-iskejjel tal-Knisja.
Fit-22 ta’ Diċembru 1984, wara r-riżenja ta’ Mintoff, Karmenu Mifsud Bonnici ħa l-ġurament bħala Prim Ministru, biex b’hekk sar l-ewwel Prim Ministru Malti mill-indipendenza li ħa l-ġurament mingħajr ma kkontesta elezzjoni ġenerali.
Fl-1985, Mifsud Bonnici kien in-negozjatur ewlieni wara l-ħtif tal-EgyptAir li fih inqatlu 60 mit-92 passiġġier li kienu abbord l-ajruplan – wieħed mill-aktar kapitli koroh fl-istorja ta’ pajjiżna.
Sentejn wara, Karmenu Mifsud Bonnici kien tilef l-elezzjoni tal-1987. U mal-ħruġ tar-riżultat, hu kien deher fuq it-televiżjoni ma’ Eddie Fenech Adami biex jassigura tranżazzjoni kalma.
Hu baqa’ jservi bħala Kap tal-Oppożizzjoni sal-1992, meta wara t-tieni telfa elettorali, irriżenja, biex ħadlu postu Alfred Sant. Huwa żamm is-siġġu tiegħu sal-elezzjoni ta’ wara, fl-1996.
Għalkemm waqaf mill-politika, Mifsud Bonnici kien dejjem voċiferu kontra id-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea.
Fl-2003, waqt il-kampanja tar-referendum, Mifsud Bonnici flimkien ma’ numru ta’ Laburisti oħra nieda l-Kampanja għall-Indipendenza Nazzjonali (CNI) u wara ngħaqad mal-Front Maltin Inqumu.
U għalkemm Malta issiehbet fl-UE fl-2004, hu baqa’ jemmen fil-principji tieghu – u aktar minn hekk, baqa’ jitkellem b’saħħa favur il-valuri Socjalisti.
//= $special ?>

