Lokali

Sigmund Mifsud jinżamm arrestat wara li ġie mixli li pprova jbagħbas il-provi f’każ ta’ fastidju sesswali

Wara li raġel impjegat mal-Orkestra Nazzjonali ammetta każ ta’ fastidju sesswali fuq kollega tiegħu, illum tressaq il-Qorti l-Kap Eżekuttiv tal-Orkestra Sigmund Mifsud. Hu inżamm arrestat wara li kien akkużat li jindaħal fil-każ u b’intraċċ tal-provi, f’kelma waħda allegatament għamel minn kollox biex hija ma tagħmilx rapport mal-Pulizija.

Mifsud tressaq quddiem il-Maġistrat Nadine Lia bil-prosekuzzjoni tgħid li huwa organiżża meetings mal-mużiċisti u mal-amministrazzjoni tal-orkestra b’rabta mal-każ ta’ Manager, li huwa wkoll mużiċist, li kien ammetta fil-Qorti li wettaq attti mmorali fuq kollega mużiċista.

Sigmund Mifsud kien mixli wkoll li bejn ix-xahar ta’ Mejju 2019 u Novembru 2022, uża vjolenza morali u psikoloġika u dan sabiex inaqqasm l-abbilita tal-persuna jew jiżolaha, anke fejn jidħol impieg. Li bl-aġir tiegħu kkawża lill-vittma ta’ fastidju sesswali, biża li kienet se tintuża vjolenza fil-konfront tagħham u li ma ħallijiex tagħti tagħrif jew provi meħtieġa f’kawża kriminali jew ċivili bil-ħsieb li ma jinħarġux provi kontra min wettaq ir-reat.

L-eks membru tal-Orkestra li instab ħati ftit tal-jiem ilu kien jokkupa kariga għolja. Hu ġie kundannat sena ħabs sospiżi għal erba’ snin wara li ammetta li għal aktar minn tliet darbiet ta fastidju sesswali lill-mużiċista, bil-vittma tkun tfajla ta’ 27 sena u li kienet taħdem fl-istess orkestra.

Il-ħati li ismu ma jistax jissemma fuq ordni tal-Qorti għandu 31 sena u residenti r-Rabat, Għawdex,  Huwa ammetta l-akkużi miġjubin kontrih dik li bejn Mejju 2019 u Settembru 2022, iffastidja lit-tfajla, li ġab ruħu b’mod li jaf li kien qed iwettaq dan ir-reat.

Huwa ammetta wkoll li ssoġġetta lill-vittma għal atti ta’ intimita fiżika anke bil-fomm u li dawn jikkonsistu f’atti ta’ konotazzjonijiet sesswali, ikkunsidrati bħala offensivi, umiljanti, degradenti jew intimidatorji lejha. Minbarra sentenza sospiża, l-Qorti ordnat ordni ta’ trażżin fil-konfront tal-ħati għall-perjodu ta’ ħames snin.

Fil-każ ta’ Sigmund Mifsud il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetur Kevin Pulis u Gabriel Micallef filwaqt li għall-Kap Eħekuttiv tal-Orkestra Nazzjonali dehru l-Avukati Edward Gatt u Shawn Zammit.