Lokali

“Il-Ministru għall-Ġustizzja qed jibqa’ ċass quddiem id-deċiżjonijiet ħżiena li ħadet l-Avukat Ġenerali” – PN

Konferma li l-Avukat Ġenerali u l-Ministru għall-Ġustizzja huma kompliċi biex jitgħatta l-iskandlu tal-Bank Pilatus

Wara l-kummenti tal-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà waqt intervista ma’ Andrew Azzopardi, il-Kelliem għall-Ġustizzja, Karol Aquilina f’isem il-Partit Nazzjonalista jisħaq li l-Ministru għall-Ġustizzja ma jistax jibqa’ aktar ċass quddiem id-deċiżjonijiet ħżiena li ħadet l-Avukat Ġenerali fl-iskandlu tal-bank Pilatus.

Bi kliemu l-Kummissarju tal-Pulizija tefa’ r-responsabbilità kollha f’ħoġor l-Avukat Ġenerali għaliex jaf hi x’deċiżjonijiet ħżiena ħadet dwar dan il-każ. Huwa ċar li l-Avukat Ġenerali bil-kompliċità tal-Ministru għall-Ġustizzja qed tagħmel minn kollox biex tgħatti l-iskandlu tal-bank Pilatus.

Kif diġà qal il-Partit Nazzjonalista l-Avukat Ġenerali tat maħfra bil-ħruġ ta’ nolle prosequi lil żewġ persuni nvoluti fl-iskandlu tal-Bank Pilatus. Min naħa tiegħu l-Ministru għall-Ġustizzja qed jirrifjuta li fil-Parlament li jagħti d-dettalji dwar il-ħruġ ta’ nolle prosequi mill-Avukat Ġenerali matul l-aħħar snin.

L-Avukat Ġenerali ma tistax tibqa’ aktar moħbija fl-uffiċċju tagħha iżda għandha tibda tkun trasparenti u tiffaċċja l-konsegwenzi tad-deċiżjonijiet tagħha. Għalhekk il-Partit Nazzjonalista jistenna li l-Avukat Ġenerali tistqarr b’mod pubbliku l-ismijiet ta’ dawn iż-żewġ persuni u tagħti rendikont sħiħ u dettaljat tad-deċiżjonijiet li ħadet b’rabta ma’ dan il-każ.

Il-Partit Nazzjonalista jistenna wkoll li l-Ministru għall-Ġustizzja ma jibqax aktar gallarija u jibda jiżgura li l-istituzzjoniijiet ta’ pajjiżna jaħdmu kif suppost u mhux joqgħod jitpaxxa jarahom konsistentement ifallu fil-qadi tad-dmirjiet tagħhom.