Lokali

“Il-pożizzjoni tal-Ministru Owen Bonnici m’għadhiex tenibbli” – PN

Il-pożizzjoni tal-Ministru Owen Bonnici m’għadhiex tenibbli minħabba dak li seħħ fl-Orkestra Nazzjonali taħt it-tmexxija politika tiegħu. Owen Bonnici jrid iġorr ir-responsabbilità politika u jirriżenja.

Dan wara li ġie żvelat każ ta’ fastidju sesswali fuq persuna li kienet taħdem mal-Malta Philharmonic Orchestra, u li spiċċat kellha tirriżenja kontra qalbha, liema każ ġie kkonfermat fil-Qorti fil-ġranet li għaddew u li llum il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Philharmonic Orchestra Sigmund Mifsud ittella taħt arrest il-qorti, b’rabta wkoll mal-istess każ.

Il-Kelliema dwar il-Wirt Nazzjonali, Arti u Kultura, Julie Zahra f’isem il-Partit Nazzjonalista tistaqsi għaliex il-Ministru Owen Bonnici  baqa’ għal kollox sieket fuq dan il-każ, u kien biss wara li l-każ ħareġ fil-media li qal li kien hemm investigazzjoni. Għaliex il-Ministru ċempel hu stess fi newsroom partikolari biex jipprova jikkontrolla l-istorja?  Il-Partit Nazzjonalista jistaqsi wkoll kif jista’ ministru tal-gvern ma jieħux passi mmedjati u jagħmel pubbliċi akkużi ta’ fastidju sesswali li seħħew f’entitá li taqa’ direttament taħtu u jieħu l-passi kollha meħtieġa sabiex il-vittma tiġi ssalvagwardjata? Minflok il-ministru baqa’ ċass quddiem dan kollu bir-riżultat li l-vittma kellha tirriżenja mil-post tax-xogħol hi stess, għaliex ma felħitx aktar għal dan l-abbuż. 

Il-Partit Nazzjonalista jfakkar li Sigmund Mifsud kien kandidat tal-Partit Laburista fl-elezzjonijiet ġenerali tal-2013 u l-2017 u ġie appuntat bħala persuna ta’ fiduċja fi żmien il-Prim Ministru Joseph Muscat u għadu fl-istess kariga taħt il-Prim Ministru attwali.

Fuq kollox il-Partit Nazzjonalista jistaqsi wkoll jekk il-Prim Ministru Robert Abela hux komdu b’ministru fil-kabinett tiegħu li ħeba akkużi ta’ fastidju sesswali, meta suppost ħa azzjoni mmedjata. Għalhekk il-Partit Nazzjonalista qed jinsisti li għandha tinġarr ir-responsabbiltá u jittieħdu l-passi meħtieġa.