Lokali

Il-Qorti ċċanfar lill-PA għat-twaqqiegħ ta’ binja ta’ wirt storiku

Il-Kamra ser tkompli tavvanza l-ħtieġa għal riforma radikali tas-sistema tal-ippjanar sabiex l-Awtorità tal-Ippjanar tibda tiffoka fuq il-ħarsien tal-ġid komuni flok l-interessi spekulattivi

Il-Qorti ċanfret lill-Awtorità tal-Ippjanar għad-deċiżjoni li ħadet dwar it-twaqqiegħ ta’ binja ta’ wirt storiku – il-binja tas-Sea Malta, fil-Marsa – l-istess binja ta’ stil modernista-fin li l-Gvern naqas milli jpoġġiha bħala binja skedata.

Kollox imur lura għal Diċembru tal-2017 meta l-Kamra tal-Periti kienet kitbet lill-eks Prim Ministru Joseph Muscat fejn wissew li “din il-binja tinsab serjament sfigurata b’riżultat dirett tan-nuqasijiet tal-Awtorità li injorat sejħiet ripetuti sabiex ix-xogħlijiet ta’ twaqqiegħ jieqfu. U saħansitra, injorat b’mod sfaċċat is-sejbiet tal-Kummissarju tal-Ambjent u l-Ippjanar.”

Matul ix-xhur ta’ wara, il-Kamra tal-Periti kienet bagħtet numru ta’ appelli lil Joseph Muscat biex jieħu azzjoni immedjata u biex isiru laqgħat miegħu… liema appelli dejjem ġew injorati.

Fl-20 ta’ Marzu tal-2018, il-Kamra tal-Periti, flimkien ma’ Din l-Art Ħelwa u Flimkien għall-Ambjent Aħjar, fetħu kawża kontra l-Awtorità tal-Ippjanar dwar l-awtorizazzjoni illegali li kienet tat lill-Enemalta sabiex twaqqa’ il-binja.

Il-Ġimgħa, il-każ fil-Qorti ġie fi tmiemu, bil-Kamra tal-Periti tgħid li s-sentenza finali tikkonferma fallimenti sistematiċi tal-proċessi tal-ippjanar li taparsi jkunu rigoruż iżda fil-fatt ifallu milli jipproteġu l-ambjent mibni u l-wirt storiku arkitettoniku ta’ pajjiżna.

Il-Kamra tal-Periti qalet li dan il-każ hu xhieda ċara ta’ dak li għaddej fil-Kunsill Eżekuttiv tal-Awtorità li flok ivvotat kontra t-twaqqiegħ tas-Sea Malta, ivvota favur il-qerda tal-wirt kulturali.