Numru kbir ta’ Pulizija u uffiċjali tal-Forensika bħalissa qed jinvestigaw dik illi jidher li kienet splużjoni ta’ materjal, x’aktarx pirotekniku. Fil-post waslu wkoll l-uffiċjali tal-EOD.
Il-każ seħħ il-bieraħ filgħaxija għall-ħabta tas-5:45pm fil-Bidnija, f’zona imwarrba.
Nies fiż-zona, fosthom sid ta’ razzett li jinsab fl-akwati, irrappurtaw ħoss qawwi, u l-investigaturi waslu viċin din il-binja fejn deher ħajt imwaqqa’ (ritratt).
Meta marru fil-post, il-Pulizija sabet li x’aktarx il-ħsarat seħħew kawża ta’ splużjoni. Għaldaqstant intalbet l-assistenza tal-Explosive Ordnance Disposal tal-Forzi Armati ta’ Malta fejn wara li kkonfermaw li ma hemm ħadd fil-post, kif ukoll ma hemm ħadd midrub, bdiet l-investigazzjoni tal-Pulizija.
Mhux magħruf x’ikkawża din l-isplużjoni.
Il-Maġistrat Lara Lanfranco qed tmexxi inkjesta.
