Lokali

Imut l-eks Prim Ministru Karmenu Mifsud Bonnici

Bernard Grech fissru bħala bniedem li ħadem b’determinazzjoni għall-ideal li emmen fih

Matul il-lejl miet l-eks Prim Ministru Karmenu Mifsud Bonnici fl-età ta’ 89 sena.

Karmenu Mifsud Bonnici serva bħala Kap tal-Partit Laburista mill-1984 sal-1992 u Prim Ministru mill-1984 sal-1987.

Karmenu kien it-tielet fost sitt aħwa fosthom l-eks Segretarju Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista Dr. Antione Mifsud Bonnici.

Id-Deputat Paula Mifsud Bonnici fuq Facebook sellmet il-memorja ta’ zijuwha u rreferiet għalih bħala persuna umli u twajjeb.

Stqarrijiet ta’ kondoljanzi

Il-Partit Laburista sellem il-memorja ta’ Karmenu Mifsud Bonnici, Eks Prim Ministru ta’ Malta u Mexxej tal-Partit Laburista. Fi stqarrija, il-PL qal li Mifsud Bonnici jibqa’ mfakkar għall-ideal soċjalist demokratiku, li ħaddnu b’konvinzjoni u l-mod kif iddedika ħajtu għall-ħidma favur il-klassi tal-ħaddiema.

Ankè l-Partit Nazzjonalista sellem il-memorja tal-eks Prim Ministru Karmenu Mifsud Bonnici, li miet matul il-lejl li għadda. 

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech fisser kif Karmenu Mifsud Bonnici kien bniedem li ħadem b’determinazzjoni għall-ideal li emmen fih.

Il-Partit Nazzjonalista wassal il-kondoljanzi lill-familja tiegħu.