Kollox mhuwiex ward u żahar fil-Kunsilli Lokali Laburisti – hekk kif jidher li diskors fil-Parlament qaras xi nerv dwar nuqqasijiet finanzjarji… bil-konsegwenza li biex jirreaġixxi s-Sindku tal-Kalkara waqqa’ l-ġebla fuq saqajh.
F’diskors fil-Parlament nhar it-Tlieta, id-Deputat Nazzjonalista Darren Carabott tkellem kif il-Kunsilli Lokali Laburisti tal-Belt Valletta u l-Kalkara baqgħu ma ppreżentawx numru ta’ accounts – bil-konsegwenza li l-Awditur Ġenerali ma setax jinvestigahom.
Madanakollu, is-Sindku tal-Kalkara Wayne Aquilina waqqa’ l-ġebla fuq saqajh meta fuq Facebook kiteb illi kemm ilu Sindku hu dejjem ġew ippreżentati l-accounts – b’attentat ta’ attakk ċar lejn is-Sindku Laburista ta’ qablu Speranza Chircop – u li llum għadha Kunsilliera Lokali fil-Kalkara. Dan hekk kif Wayne Aquilina prova jwaħħal f’ta’ qablu għal dawn in-nuqqasijiet.
Id-Deputat Nazzjonalista kien qed jikkwota dak li l-Awditur Ġenerali ppubblika f’rapport tal-Uffiċju Nazzjonali tal-Verifika f’Diċembru tal-2021 – meta Wayne Aquilina kien diġà Sindku tal-Kalkara.
F’dan ir-rapport – l-Uffiċju Nazzjonali tal-Verifika jgħid ċar u tond li hemm żewġ Kunsilli Lokali li ma setax isir skrutinju tagħhom, għax baqgħu ma preżentawx l-accounts tagħhom: il-Kalkara u l-Belt Valletta.
Dawn in-nuqqasijiet ġew spjegati fid-dettall fl-aħħar rapport tal-Uffiċju Nazzjonali tal-Verifika dwar il-Kunsilli Lokali ta’ Malta u Għawdex kollha ppubblikat fl-2021, iżda dan l-istess kliem ta’ kundanna ġie ddikjarat ukoll fir-rapporti tal-2020, 2019, 2018, u l-2017.
Dak li ntqal għall-Kunsill Lokali tal-Kalkara – jgħodd ukoll għall-Belt Valletta li l-istess Kunsill Lokali Laburista baqa’ ma ppubblikax l-accounts sena wara sena.
Ftit tal-ġimgħat qabel waqt Kumitat Parlamentari għall-Uffiċju Nazzjonali tal-Verifika, l-Awditur Ġenerali meta mistoqsi mill-istess Deputat Nazzjonalista Darren Carabott ma kellux kliem sabiħ għall-Kunsilli li ma jippubblikawx u ma jippreżentawx l-accounts tagħhom – tant illi qal li mhuwiex aċċettabbli li l-Kunsilli Lokali ma jippubblikawx l-accounts tagħhom ma jifdalx skop għall-ħidma tal-uffiċju tiegħu.
Fil-ġimgħat li ġejjin hu mistenni li l-Awditur Ġenerali jippubblika r-rapport ġdid dwar il-qagħda tal-Kunsilli Lokali – fejn diġa’ stqarr li mhux se jkollu kliem sabiħ għalihom.
Madanakollu, jidher li dan kollu mhuwiex ta’ prijorità għall-Gvern Laburista. Speċjalment fid-dawl ukoll, li fil-Baġit ippreżentat mill-Gvern Laburista, kompla jnaqqas il-fondi allokati lill-Kunsilli Lokali – tant illi issa mhux biss qed inaqqar mir-responsabbilitajiet tal-Kunsilli Lokali, iżda issa anke qed inaqqrilhom mill-fondi.
//= $special ?>