Lokali

“Jekk titla’ x-xemx tort tiegħi!” – Angelo Gafà

“Int qed tiġi akkużat li mintiex tressaq il-Qorti persuni involuti fil-każ tal-bank Pilatus u li qed tkaxkar saqajk dwar dan il-każ,” qal Prof. Andrew Azzopardi waqt intervista mal-Kummissarju tal-Pulizija fuq ir-radju 103.

“Jekk titla’ x-xemx tort tiegħi. Jekk tagħmel ix-xita tort tiegħi wkoll,” wieġeb Angelo Gafà, viżibilment mhux komdu b’din id-dikjarazzjoni.

Kienet din ir-reazzjoni tal-Kummissarju tal-Pulizija, Angelo Gafa meta ġie mistoqsi mill-Professur Andrew Azzopardi rigward l-iskandlu tal-bank Pilatus – każ serju li ilu jkaxkar snin sħaħ.

Bil-Kummissarju jibqa’ jfarfar fuq l-Avukat Ġenerali, biex jiġġustifika n-nuqqas ta’ azzjoni.

Ħin minnhom, il-Kummissarju ikkonferma indirettament li l-eks Prim Ministru Joseph Muscat għadu qed jiġi investigat. U anke hawn, ħadd ma jaf x’azzjoni qed tittieħed.

Intant, fl-intervista fuq 103, Angelo Gafà qal li sal-aħħar t’Ottubru nħarġu ‘l fuq minn elf akkuża rigward nuqqasijiet li jigu innutati fit-toroq taghna… fosthom sewqan perikoluż, sewwieqa mingħajr liċenzja u sewwieqa taħt l-influwenza tal-alkoħol. Dan ifisser li din ir-rata diġa’ qabżet dik tal-2017 li kienet tlaħħaq id-939.

Meta tkellem dwar il-body cams li iddaħlu fl-aħħar xhur, Angelo Gafà qal li s-sena l-oħra minhabba dan l-apparat…il-Korp ra tnaqqis ta’ 35% f’każi ta’ vjolenza fuq membri tal-Pulizija.