Futbol Sport

Premier League Ingliż: Manchester City jirringrazzjaw mill-ġdid lil Haaland għat-tliet punti ma’ Fulham

(Ritratt: EPA)

Fl-Etihad Stadium

Manchester City v Fulham 2-1


Is-sostitut Erling Haaland mill-ġdid żamm l-appuntament mal-gowl biex ta tliet punti oħra liċ-Champions Manchester City għall-ispejjeż ta’ Fulham. Ir-rebħa fl-Etihad Stadium tellgħet lis-Citizens mill-ġdid fl-ewwel post tal-Premier League u minkejja li huma lagħbu ħafna mil-logħba b’għaxar plajers wara li tkeċċielhom Joao Cancelo fl-ewwel taqsima.
Man City ħarġu jfittxu gowl kmieni u kollox deher miexi skont il-pjan meta Julian Alvarez sammar ġewwa b’xutt li ma jaħfirx – iżda imbagħad bdew il-problemi, bil-Cottagers jirbħu penalty għad-daħla kerha ta’ Cancelo fuq Harry Wilson u li swiet karta ħamra lid-difensur Portugiż. Inkariga ruħu mill-ħdax-il metru Andreas Pereira li bagħat lil Ederson in-naħa l-oħra għall-1-1 iżda minn dak il-ħin Fulham għażlu li jiddefendu d-dro, b’City iżidu fil-logħob minkejja l-iżvantaġġ numeriku.


Tard fit-tieni taqsima, Haaland, li daħal jilgħab bħala sostitut, sab ix-xibka bir-ras fuq il-kross ta’ De Bruyne iżda l-‘gowl’ kien imħassar għal offside millimetriku fuq deċiżjoni tal-VAR.
City komplew jagħfsu għall-gowl tat-tliet punti u fil-95 minuta waslitilhom opportunità mill-aqwa meta Antonee Robinson waqqa’ lil De Bruyne fil-kaxxa għal penalty ċar. Kien inevitabbli Haaland kellu jieħu responsabbiltà mill-ħdax-il metru u fejn sab ir-rokna tax-xibka b’xutt fil-baxx u għat-18-il gowl tiegħu tal-istaġun.

F’Elland Road

Leeds v Bournemouth 4-3


Leeds United dawwru żvantaġġ ta’ 3-1 f’rebħa (4-3) fil-konfront ma’ Bournemouth, biż-żewġ tims jipproduċu waħda mill-aktar logħbiet memorabbli mill-bidu tal-kampjonat.
Il-pubbliku f’Elland Road kellu jistenna żewġ minuti biss biex jiċċelebera l-vantaġġ ta’ Leeds minn penalty skurjat minn Rodrigo għall-fawl ta’ Marcos Senesi fuq Summerville. Ir-risposta taċ-Cherries kienet immedjata, b’Marcus Tavernier jagħmilhom 1-1 b’volley u b’Philip Billing mill-ġdid jegħleb lill-gowlkiper Meslier għat-2-1, għaxar minuti wara.

Fit-tieni taqsima il-logħba dehret qed taħrab sew lil Leeds wara li Dominic Solanke kompla jżid il-vantaġġ għal Bournemouth. Iżda mbagħad bdiet ir-rimonta mit-tim ta’ Jesse Marsch b’żewġ gowls fi spazju ta’ tmien minuti grazzi għas-sostitut Sam Greenwood u Liam Cooper, li kiseb parità b’daqqa ta’ ras b’saħħitha fuq korner.
Il-logħba saret aktar eċċitanti u l-aħħar kelma mill-ġdid kienet ta’ Leeds, bi Crysencio Summerville jirċievi mingħand Gnonto biex jegħleb lil Mark Travers għar-raba’ darba – b’dan il-gowl jiddeċiedi d-destin tat-tliet punti.

Fic-City Ground

Notts.Forrest v Brentford 2-2


Nottingham Forest kisbu punt bl-aħħar azzjoni tal-logħba u fejn salvaw dro, 2-2, ma’ Brentford f’konfront ieħor li baqgħet inċert sas-suffara finali. Morgan Gibbs-White fetaħ l-iskor fis-City Ground, meta, wara slalom bejn żewġ difensuri, venven xutt li ħabat ma’ difensur ieħor qabel spiċċa ġewwa għall-1-0.
Imbagħad kien imiss lil Bryan Mbeumo li jikseb id-dro għal Brentford minn penalty sekondi biss qabel il-mistrieħ, bil-Bees imorru fil-vantaġġ kwarta mit-tmiem meta Yoane Wissa għeleb lil Dean Henderson b’chip għar-rokna. Iżda Brentford xorta waħda naqsu milli jiksbu l-ewwel rebħa ‘away’ tal-istaġun meta, fid-96 minuta, inqalgħet taħwida quddiem il-lasta ta’ Raya u bil-ballun jaqbeż il-linja fatali wara li mess l-aħħar mad-difensur ta’l-Bees Mathias Jorgensen.

Fil-Molineux Stadium

Wolves v Brighton 2-3


Kompla l-inkwiet għal Wolverhampton Wanderers li tilfu, 2-3, f’darhom ma’ Brighton and Hove Albion wara li lagħbu taqsima sħiħa b’għaxar plejers.


Wolves kienu qed jilgħabu għall-ewwel darba taħt il-manager ġdid Julen Lopetegui u huma sabu ruħhom minn taħt wara biss għaxar minuti meta Adam Lallana għeleb lil Sa għall-1-0. Iżda t-tim mill-Black Country wieġeb għad-disfatta b’żewġ gowls minn Goncalo Guedes u penalty ta’ Ruben Neves skurjat fil-35 minuta. Qabel il-mistrieħ Brighton għamluhom 2-2 minn Kaoru Mitoma – u sekondi qabel tkeċċa l-plejer ta’ Wolves Semedo għal fawl fuq l-istess Mitoma.


Fit-tieni taqsima. Brighton ħarġu jfittxu l-gowl tar-rebħa li wasal fit-83 minuta meta Mitoma ħoloq opportunità għal Pascal Gross li ma żbaljax minn quddiem Sa għat-3-2 finali.


B’dan ir-riżutat. Wolves għadhom it-tieni mill-aħħar b’għaxar punti biss, waqt li Brighton qed ikomplu jimpressjonaw meta huma, issa, qegħdin jokkupaw is-sitt post fil-Premier League.

Il-logħob ta’ għada:

1:00pm

Chelsea v Arsenal

3:00pm
Aston Villa v Manchester United
Southampton v Newcastle United
West Ham United v Crystal Palace

5:30pm

Spurs v Liverpool 5:30pm