Lokali Qorti

Raġel jinsab f’xifer li jispiċċa l-ħabs fuq inċident li kellu ma’ mara f’bajja

Għawdxi mir-Rabat u li għandu 32 sena, residenti x-Xewkija jista’ jispiċċa l-ħabs ma’ l-iċken żball li jikkommetti wara li nstab ħati li fis-sajf li għadda sawwat mara u kkaġunalha ġrieħi ħfief u mhux kif ġie mixli mill-prosekuzzjoni li l-feriti kienu ta’ natura gravi. Huwa ammetta biss fil-Qorti ta’ Għawdex li beżża lil mara u mhux li sawwatha.

Dan ma kienx l-ewwel reat li huwa wettaq fejn huwa ġie mixli li kiser żewġ sentenza. Fuq każ ieħor kien ingħata, sentenza sospiża, liema sentenza issa ġiet estiża. Jean Pierre Le Prevost ġie kkundannat 15-il xahar ħabs sospiżi għal 30 xahar wara li ammetta li sawwat mara fil-bajja tar-Ramla l-Ħamra f’Għawdex stess. Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech wissiet lil Le Prevost li jekk jikkommetti l-anqas reat, se jispiċċa l-ħabs.

Jean Pierre Le Prevost kien mixli li fil-lejl ta’ bejn il-5 u s-6 ta’ Awwissu li għadda, fl-imsemmija bajja u fir-Rabat, ikkaġuna ġrieħi gravi lil mara, li beżżagħha, li heddidha, li ħebb għaliha u li kiser żewġ sentenzi tal-Qorti tal-Maġistrati.

Ir-raġel ammetta wkoll li kiser żewġ sentenzi tal-Qorti tal-Maġistrati bil-Maġistrat Frendo Dimech tgħid li mill-provi rriżulta li l-mara sofriet ġrieħi ħfief mhux gravi kif anke xehdet it-tabiba li nvistata. Il-Qorti kienet infurmata li r-raġel diġà beda jingħata l-għajnuna biex jikkontrolla r-rabja li għandu.Il-Qorti ma tridx terħi għajnejha minn fuq l-imputat u għalhekk rigward is-sejbien ta’ ħtija u qalet li minflok piena ta’ ħabs effettivam se tkun qed testendi s-sospensjoni.

Qalet li filwaqt li se tkun qed tagħti opportunità tal-aħħar lil Le Prevost, se tassigura sa fejn tista’, li l-imputat jindirizza l-karattru ikrah u selvaġġ tiegħu billi għat-30 xahar li ġejjin se jkollu mdendla fuq rasu x-xabla fuq rasu.Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech wissietu li jinsab fuq l-għatba tal-ħabs u d-direzzjoni li se jieħu, jidħolx ‘il ġewwa jew jinżilx minn fuq l-għatba, jiddependi minnu.

Minbarra l-15-il xahar ħabs sospiżi hija poġġietu taħt ordni ta’ superviżjoni għal 30 xahar u estendiet sentenza ta’ sentejn ħabs sospiżi għal 3 snin li kien weħel fl-2019 bi 3 snin oħra. Hija ordnatlu wkoll iħallas €2,000 spejjeż tal-esperti mqabbda f’din il-kawża. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Josef Gauci.