Lokali

“Tentattiv patetiku ta’ Gafà biex jitfa’ kollox fuq l-Avukat Ġenerali” – Repubblika

Għadna kemm assistejna għal tentattiv patetiku tal-Kummissarju tal-Pulizija fuq il-program ta’ Andrew Azzopardi fuq 103 Malta’s Heart biex ifarfar ir-responsabbilità dwar l-iskandlu tal-Pilatus Bank fuq l-Avukat Ġenerali.

Angelo Gafa’, Alexandra Mamo u Victoria Buttigieg spiċċaw iwaħħlu f’xulxin għal din l-oxxenita’.

Kien dan li ħareġ minn stqarrija ta’ Repubblika wara l-programm li xxandar ftit tal-ħin ilu f’forma ta’ intervista ma’ Angelo Gafà.

Huma komplew li bi kliemu Angelo Gafa’ ikkonferma dak li żvela l-President ta’ Repubblika Robert Aquilina waqt id-dimostrazzjoni ta’ ġimgħatejn ilu, jiġifieri li l-Avukat Ġenerali ffirmat dokument li qed jinżamm moħbi u permezz tiegħu ordnat li tnejn mill-briganti tal-Bank Pilatus ma jitressqux il-Qorti.

Kien fid-dawl ta’ dan li Repubblika qalu li issa tard wisq biex Angelo Gafa’ jwaħħal f’ħaddieħor. Hu kompliċi f’attentat biex fuq dan il-każ kriminali ma titwettaqx ġustizzja. Nafu sew x’inhi r-responsabbilita’ tiegħu, bħal ma nafu x’inhuma r-responsabbilitajiet ta’ Alexandra Mamo u ta’ Victoria Buttigieg.

Spiċċaw billi qalu li huma ser jibqgħu jinsistu fil-Qrati u fit-toroq biex issir ġustizzja.