Lokali

“Dwar il-bank pilatus il-Gvern qed jipprova jgħatti x-xemx bl-għarbiel” – Repubblika

Repubblika tirreferi għal dak irrappurtat fil-Maltatoday dalgħodu fir-rigward tan-nuqqas ta’ prosekuzzjoni tas-sid u tal-uffiċjali tal-Pilatus Bank. Aħna nifhmu u niddefendu d-dritt u l-obbligu tal-ġurnalist li jirrapporta l-informazzjoni li tasallu.

Fi stqarrija Repubblika qalet li però hu evidenti li l-Gvern qed jagħmel minn kollox biex l-Avukat Ġenerali u Spettur tal-FCID ma jixhdux fis-seduta li ser issir nhar it-Tlieta fil-każ ta’ Repubbika kontra l-Avukat Ġenerali dwar id-deċiżjoni tagħha li ma tmexxix kif kienet ordnata tagħmel mill-Inkjesta Maġisterjali dwar l-operat tal-Bank Pilatus.

Tmienja u erbgħin siegħa biss ‘il bogħod minn seduta importanti fil-Qorti fil-kawża ta’ Repubblika, il-Gvern qed jipprova jgħatti x-xemx bl-għarbiel. Aħna nafu sew il-verità tal-fatti ta’ dan il-każ, kif diġà urejna permezz ta’ dokumenti li ppreżentajna u kif ser inkomplu nuru b’fatti u dokumenti oħra li ser nippreżentaw. Bl-istess mod, nafu sew ħafna x’ġara u x’qed jiġri fuq dan il-każ fil-kurituri tal-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Mhux ser nippermettu li fuq il-każ tal-Bank Pilatus ikun hemm ripetizzjoni tal-oxxenità mwettqa mill-Avukat Ġenerali fil-konfront tat-Topo fil-każ tal-hold-up tal-HSBC.

L-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju tal-Pulizija għandhom bżonn jifhmu li huma mhumiex ‘il fuq mil-Liġi.
Nafu li Victoria Buttiġieġ, Alexandra Mamo u Angelo Gafa’ għamlu l-kutrumbajsi biex ma jobdux l-ordni mogħtija lilhom mill-Maġistrat Ian Farrugia fl-Inkjesta tal-Bank Pilatus. Dan ser nippruvawh fil-Qorti, iridu jew ma jridux Buttigieg, Mamo u Gafa’.