Sport

Francesco Bagnaia u Ducati jirbħu t-titlu dinji tal-Moto GP

Francesco Bagnaia hu ċ-champion il-ġdid tad-dinja fil-Moto GP meta spiċċa fid-disa’ post fl-aħħar Grand Prix tas-sena, dak ta’ Valencia. Dan l-aħħar grand prix tas-sena kien mirbuħ minn Alex Rins fuq Suzuki.Kien trijonf doppju għall-Italja li minbarra t-titlu tas-sewwieqa permezz ta’ Bagnaia, id-Ducati rebħu t-titlu tal-kostrutturi, fejn kien it-tieni titlu dinji mirbuħ minn Ducati wara nuqqas ta’ 15-il sena. Fabio Quartararo seta’ biss jispiċċa fir-raba’ pożizzjoni, wara Rins, Brad Binder, u Jorge Martin li kien beda l-grand prix mill-pole.

Fil-klassifika finali Francesco Bagnaia spiċċa b’total ta’ 265 punt kontra il-248 punt ta’ Quartararo.Fil-klassifika finali tal-kostrutturi Ducati spiċċaw l-ewwel b’total ta’ 454 punt, segwiti minn Red Bull KTM li spiċċaw b’total ta’ 337 punt u minn Aprilla Racing bi 334 punt.