Il-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelensky, akkuża lill-Iran dwar ‘kooperazzjoni fl-istrateġiji terroristiċi tar-Russja’ li qed tiswa fi tbatija kbira għaċ-ċivili Ukreni. Zelensky qal ukoll li l-Iranjani qegħdin iservu bħala ‘spalla għal (l-President Russu) Vladimir Putin f’din il-gwerra u li t-Tmexxija f’Tehran qed tigdeb dwar il-veru rwol tagħha.
Id-diskors ingħad wara li l-Iran ammetta, għall-ewwel darba, li ssupplixxa d-drones lil Moska filwaqt li sostna li ‘dan kien sar qabel l-invażjoni tal-Ukrajna mit-truppi tar-Russja’. Intant, il-Punent jemmen li r-Russja użat id-drones ipprovduti mill-Iran għal missjonijiet ‘kamikaze’ bil-ħsieb li telimina s-siti ewlenin tal-infrastruttura, fosthom il-power stations, fl-Ukrajna.
U sa ftit żmien ilu, ir-Russja, flimkien mal-Iran, kienu ċaħdu li kellhom xi sehem f’din it-tattika.
L-attakki bid-drones fuq il-power stations ħallew ħafna bliet Ukreni mingħajr dawl u mezzi tas-sħana għaċ-ċivili fi żmien meta daħlet sew ix-xitwa. L-osservaturi tal-Punent, intant, jemmnu li l-Iran mhux talli supplixxa lir-Russja bid-drones iżda anki bagħat lill-istrutturi biex iħarrġu lill-piloti tad-drones Russi fl-aktar użu effettiv ta’ dawn l-armi.
Issa l-Ministeru Iranjan għall-Affarijiet Barranin qal li l-Iran wassal tassew numru ta’ drones lir-Russja – bil-President Ukren Zelensky qed jikkuntesta ‘bħala gidba’ l-istqarrija li d-drones kienu waslu f’Moska minn qabel il-gwerra.
Zelensky kompla li l-qawwiet tiegħu qegħdin iwaqqgħu madwar għaxar drones ‘tal-Iran’ kuljum minkejja l-insistenza ta’ Tehran li kien bagħat biss numru żgħir ta’ drones lir-Russja. Il-President Ukren, fl-istess ħin, wissa lill-Iran li għandu jħoss il-konsegwenzi tal-appoġġ li qed jagħti lil Vladimir Putin u biex l-Iranjani ma jkomplux jigdbu dwar is-sitwazzjoni.
Il-Mexxej Ukren kompla li jekk l-Iran ikompli jigdeb dwar ‘dak li hu ovvju’, id-dinja għandha żżid l-isforzi biex tinvestiga l-kooperazzjoni ‘terroristika’ bejn ir-reġim tar-Russja u l-Iran waqt li ssir taf proprju ‘kemm ir-Russja qed tħallas lill-Iranjani għal din il-kooperazzjoni’.
Dan meta l-Istati Uniti, ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea kollha imponew is-sanzjonijiet fuq l-Iran talli provda id-drones lir-Russja biex tużahom għal waqt il-konflitt fl-Ukrajna.
//= $special ?>
