Fil-Korea t’Isfel għadha tbaqbaq rabja kbira għat-traġedja tad-29 ta’ Ottubru li ssarrfet fl-imwiet ta’ 156 persuna – fil-parti kbira żgħażagħ – li kienu qed jiċċelebraw l-avveniment ta’ Halloween fid-distrett tan-nightlife ta’ Itaewon.
Fil-fatt, fil-kapitali Seoul qegħdin isiru d-dimostrazzjonijiet kbar u kontinwi fejn in-nies – minbarra l-espressjonijiet ta’ luttu għall-vittmi – qegħdin isejħu kontinwament għar-riżenja tal-Gvern immexxi mill-President Yoon Suk-yeol. Fil-fatt huma qed iżommu lill-Gvern bħala direttament responsabbli għal waħda mill-aktar żviluppi traġiċi fl-istorja moderna tal-Korea t’Isfel.
F’dak il-lejl fatali, il-folla f’dik il-parti ta’ Itaewon kienet involuta f’rassa huma u jippakkjaw zona dejqa ħafna u bir-riżultat li ħafna nies mietu fgati jew mgħaffġin taħt is-saqajn; bi kważi 200 jispiċċaw midruba.
Ir-rabja tan-nies, issa, qed tkun espressa f’sensiela ta’ vejl u protesti madwar Seoul u meta d-dimostranti mhumiex konvinti dwar ir-reazzjoni tal-Gvern għat-traġedja. Dan ukoll meta l-awtoritajiet għaddejjin b’investigazzjoni dwar dak li seta’ wassal għall-imwiet – bil-Kap tal-Pulizija Koreana jitlob skuża għal dak li seħħ, l-istess bħall-President Yoon li ħalef li se jintroduċi miżuri aħjar għall-kontroll tal-folol ‘il quddiem.
Iżda d-dimostranti żgħażagħ f’Seoul huma ħsiebhom f’ħaġa waħda biss – li f’dan il-każ issir il-ġustizzja mal-awtoritajiet responsabbli. Dan meta ħafna Koreani qed iħossu sens ta’ mistħija talli l-Gvern u l-awtoritajiet ikkonċernati ma setgħux jipproteġu liż-żgħażagħ jew jaddottaw strateġiji ta’ sigurtà għal waqt il-parties u l-attivitajiet tal-massa relatati ma’ Halloween.
//= $special ?>

