“Il-Partit Nazzjonalista dejjem se jibqa’ jiġġieled favur il-poplu Malti u Għawdxi sabiex jinsabu soluzzjonijiet għall-problemi li hawn bħalissa f’pajjiżna.”
Dan qalu d-Deputat Nazzjonalista Darren Carabott waqt attivita’ politika fil-Każin tal-Partit Nazzjonalista fil-Mellieħa l-Ħadd filgħodu. Huwa qal li għal Partit Nazzjonalista l-ambjent hu prijorita’. Barra minn hekk, il-Partit Nazzjonalista huwa l-unika partit f’Malta li ħeġġeġ li nħarrsu l-artijiet ODŻ, li jkun hawn żvilupp sosenibbli f’pajjiżna kif ukoll li jkun hawn aktar sigurta’ fit-toroq ta’ pajjiżna.
Il-Partit Nazzjonalista b’mod konsistenti jindirizza l-problema tat-traffiku, l-ineffiċjenza tat-toroq kif ukoll il-ħela ta’ ħin. Huwa tenna li hemm bżonn li tinsab soluzzjoni għal din il-problema kif ukoll fakkar li kien il-Partit Nazzjonalista li beda jaħseb għal mod ta’ trasport taħt l-art. Barra minn hekk, Darren Carabott qal li l-Partit Nazzjonalista qed jieħu azzjoni fis-settur tas-saħħa li bilkemm kien issema bil-Budget għas-sena d-dieħla.
Huwa qal li d-diskors ta’ Robert Abela ta’ din il-ġimgħa fil-Parlament ma kienx wieħed li jagħti kuraġġ lill-poplu anzi kien diskors iffukat li jmaqdar lill-Partit Nazzjonalista kif ukoll mimli arroganza. Waqt id-diskors Robert Abela kontinwament kien qed jipponta subajgħ lejn il-bank tal-Oppożizzjoni.
Darren Carabott saħaq li l-Partit Nazzjonalista għandu jkun s-soluzzjoni ta’ Gvern alternattiv, li jagħti kuraġġ lill-poplu Malti u Għawdxi kif ukoll li jkompli jisma’ x’għandu jgħid il-pubbliku. Huwa qal li l-Partit Nazzjonalista dejjem kien partit li aċċetta l-kritika sabiex minn dik il-kritika dan il-partit ikompli jikber u jtejjeb il-kwalita’ tal-ħajja tan-nies.
Huwa temm id-diskors tiegħu hekk kif qal li huwa l-obbligu tagħna li niġġieldu għal pajjiżna, li nżommu liż-żgħażagħ f’pajjiżna kif ukoll li nindirizzaw il-problemi kollha li għandna f’pajjiżna iżda fuq kollox jeħtieġ li nkomplu nieħdu azzjoni.