Lokali

“Il-PN jeħtieġ li jkun l-awtur tal-politika Maltija li titħaddem bis-serjeta'” – Alex Perici Calascione

Il-Partit Nazzjonalista jeħtieġ li jkun l-awtur tal-politika Maltija u Għawdxija, politika… politika li tpoġġi lill-poplu l-ewwel, li titħaddem bis-serjeta’ u bil-valuri.”

Dan intqal mill-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Perici Calascione waqt attivita’ politika fil-Każin tal-Partit Nazzjonalista fil-Mellieħa l-Ħadd filgħodu.

Alex Perici Calascione saħaq li hemm bżonn t’aktar diskussjonijiet fil-Kumitat Sezzjonali sabiex ikunu ndirizzati l-problemi tal-ibliet u l-irħula f’pajjiżna. Huwa saħaq fuq l-importanza li l-Partit Nazzjonalista għandu jkompli jitkellem man-nies sabiex dan il-Partit ikompli jieħu l-azzjoni meħtieġa.

Huwa qal li mis-sena 2013 ‘l hawn, il-politika nbidlet ħafna u l-poplu sar iqis kollox bl-akbar reqqa u jsemma leħnu kif għandu jkun. Intant, huwa qal li fl-elezzjoni li għaddiet ‘il fuq minn 50,000 votant baqgħu d-dar għaliex dawn ma kinux impressjonati bil-wegħdiet li saru, kif ukoll urew li huma mxebbgħin bil-governanza ta’ bħalissa. Fl-istess ħin jeħtieġ li naraw ukoll li dawn in-nies ma ħarsux lejn il-Partit Nazzjonalista bħala s-soluzzjoni u għalhekk d-diskussjonijiet iridu jkomplu u l-ħidma trid tkompli. Barra minn hekk, wara li jsir dan kollu rridu nkomplu naġixxu sabiex ntejbu l-kwalita’ tal-ħajja tal-poplu Malti u Għawdxi.

Waqt id-diskors tiegħu, huwa qal li skont survey li sar mill-gazzetta tat-Torċa mat-30,000 persuna li vvutat lill-Partit Laburista tilfet il-fiduċja f’dan l-istess partit fl-aħħar seba’ xhur. Alex Perici Calascione qal li dawn in-nies qed jagħtu messaġġ li mhumiex kuntenti bit-tmexxija ta’ Robert Abela, biż-żieda fl-għoli tal-ħajja kif ukoll bil-kwalita’ tal-ħajja li ta’ kuljum qed titnaqqar.

Huwa temm id-diskors tiegħu hekk kif qal li dan il-Partit se jkompli jkun ta’ vuċi għall-poplu Malti u Għawdxi u li l-Partit Nazzjonalista se jkompli jtejjeb il-ħidma tiegħu sabiex in-nies iduru lejn dan il-Partit bħala s-soluzzjoni għal Gvern alternattiv.