Internazzjonali

L-Eġittu: Jibda s-summit ‘COP27’ dwar il-klima

Is-summit annwali tan-Nazzjonijiet Uniti li jindirizza l-bidliet fil-klima qed ikun inawgurat fl-Eġittu, bil-protagonisti qegħdin jaqblu li l-avveniment għandu jwassal għal ‘deċiżjonijiet storiċi’ li jindirizzaw it-taqlib li ħalla impatt diżastruż għal ħafna pajjiżi.

‘Il fuq minn 120 mexxejja tal-Istati se jkunu qed jipparteċipaw fis-summit – magħruf bħala COP27 — li għandu jdum għal ħmistax fir-resort ta’ Sharm el-Sheikh, maġenb il-Baħar l-Aħmar.

Madwar 30,000 se jattendu għas-summit għalkemm xi attivisti deċidew li ma jmorrux minħabba tħassib dwar ir-rekord tad-drittijiet umani tal-Eġittu.

Din is-sena ġabet xejriet tat-temp ‘estremi u straordinarji’ relatati mal-bidliet fil-klima u s-summit qed isir taħt id-direzzjoni ta’ Simon Stiell, il-Kap ġdid tan-NU b’responsabbiltà għall-politika li tindirizza l-klima u li qabel kien Uffiċjal ewlieni fil-Gvern ta’ Grenada.