Il-Gvern tal-lemin radikali ma tax permess biex 35 immigrant – kollha irġiel – jinżlu minn bastiment li ilu l-aħħar ġimgħatejn jitlob l-aċċess għal xi port fl-Italja. Intant, l-immigranti minorenni u oħrajn bi problemi mediċi tħallew jiżbarkaw fi Sqallija. Dan wara li l-Prim Ministru tal-Italja, Giorgia Meloni, wiegħdet politika ‘differenti u aktar riġida’ fir-rigward tal-immigranti li qegħdin jaqsmu l-Mediterran mill-Afrika ta’ Fuq.
Il-bastiment jismu Humanity 1 li hu wieħed minn erba’ bastimenti mgħobbijin bl-immigranti li qed jistennew il-permess biex jitfgħu l-ankri fl-Italja.
Mill-bidu tas-sena ‘il hawn, waslu talanqas 85,000 immigrant fl-Italja wara li vvjaġġaw bid-dgħajjes mill-Mediterran. Ħafna mill-immigranti qed ikunu salvati mill-bastimenti li qegħdin jaqdu l-missjonijiet ta’ fejda f’dik iz-zona.
B’kollox tħallew jiżbarkaw mal-144 immigrant mill-‘Humanity 1’ li qed ibaħħar taħt bandiera tal-Ġermanja. Dan meta l-Ministeru Taljan għall-Intern għamilha ċara li l-immigranti li ma jikkwalifikawx bħala nies ‘vulnerabbli’ iridu jitilqu mill-ibħra Taljani u jfittxu l-għajnuna ‘mingħand il-pajjiż fejn il-bastiment hu rreġistrat’.
Is-sid tal-bastiment, SOS Humanity, qed tgħid li l-immigranti abbord qegħdin ibatu minn problemi mentali u li l-Italja qed tikser il-liġi internazzjonali b’li mhix tippermetti għall-iżbark ta’ dawn in-nies.
//= $special ?>

