Futbol Sport

Premier Ingliż: Arsenal jerġgħu jaqbżu lil Man City fil-quċċata wara rebħa fuq Chelsea

Arsenal irritornaw fil-quċċata tal-Premier League Ingliż b’rebħa, 1-0, barra minn darhom fuq Chelsea fid-derby ta’ Londra li ntlagħbet kmieni wara nofsinar. Ir-riżultat fi Stamford Bridge ifisser li l-Gunners – li kien jimmeritahom din ir-rebħa – qed jagħmlu l-aktar bidu pożittiv għal staġun fi kważi 20 sena u mhux eskluż li huma  jibqgħu jissieltu għat-titlu sal-aħħar tal-kampjonat.

Arsenal ħolqu l-aħjar ċansijiet tul il-logħba, b’Gabriel Martinelli jara x-xutt tiegħu jgħaddi kemxejn għoli u b’Gabriel Jesus ifalli l-bersall bi flying header.

Sadanittant, Chelsea – li kellhom lill-eks attakkant ta’ Arsenal Pierre-Emerick Aubameyang fit-tim – fallew milli jheddu serjament id-difiża tal-Gunners u b’dan in-nuqqas jikkundannahom għat-tieni telfa f’ġimgħa fil-kampjonat wara l-umiljazzjoni (4-1) għan Brighton.

Il-gowl li ddeċieda l-logħba wasal fit-tieni taqsima meta  d-difensur Gabriel (63) sab ruħu żmarkat kważi fuq il-linja wara li l-Blues naqsu li jiddefendu l-korner ta’ Bukayo Sako.

Intant, Arsenal issa għandhom vantaġġ ta’ żewġ punti fuq iċ-Champions Ingliżi Manchester City u l-partitarji tagħhom qed jittamaw fl-aqwa suċċess domestiku għall-klabb mill-istaġun 2003-04 meta t-tim magħruf bħala l-‘Invincibles’ kien għamel staġun sħiħ mingħajr telfa.

Unal Emery ma setax kellu bidu aħjar bħala l-manager ġdid ta’ Aston Villa, bit-tim minn Birmingham jikseb rebħa tajba, 3-1, fuq Manchester United f’Villa Park.

Villa kienu ilhom ma’ jegħlbu lil United f’darhom mill-1995 iżda huma sabu ruħhom 2-0 minn fuq wara biss ħdax-il minuta.

L-ewwel gowl wasal fis-seba’ minuta meta Leon Bailey żgiċċa lil Lindelof qabel spara xutt fil-baxx li ma ta l-ebda ċans lill-gowlkiper David de Gea. United kienu għadhom qed jorganizzaw ruħhom meta Villa għamluhom tnejn bi freekick perfett ta’ Lucas Digne minn barra l-kaxxa.

Minn dak il-ħin United ħadu l-inizjattiva u naqqsu d-distakk qabel il-mistrieħ meta x-xutt mill-bogħod ta’ Luke Shaw (43) ħabat ma’ Jacob Ramsey u bil-ballun jispiċċa fix-xibka ta’ Martinez.

Wara l-mistrieħ ir-Red Devils ħarġu jfittxu l-gowl tad-dro iżda huma reġgħu nqabdu b’kontra-attakk veloċi fejn Ramsey irċieva l-‘cutback’ ta’ Ollie Watkins biex jegħleb lil de Gea għat-tielet darba b’first timer preċiż u li prattikament għalaq kull diskors, b’United rari jkunu ta’ theddida għad-difiża avversarja.

Newcastle United qabżu t-tielet fil-Premier Leagu b’rebħa kbira oħra, din id-darba għall-ispejjeż ta’ Southampton li rebħu waħda biss mill-aħħar tmien konfronti fil-kampjonat.

Miguel Almiron fetaħ l-iskor għal Newcastle wara 35 minuta u għas-seba’ gowl personali f’seba’ logħbiet. Is-Saints imbagħad tilfu xi ċansijiet u fit-tieni taqsima huma sabu ruħhom 2-0 minn taħt meta s-sostitut Chris Woods (58) dar ma difensur u skorja b’xutt fil-baxx.

Erba’ minuti wara, il-partitarji f’St Mary’s Stadium raw lil Joe Willock javvanza u jegħleb mill-ġdid lill-gowlkiper Bazuni għat-tielet darba – b’Southampton jiksbu konsolazzjoni minn azzjoni personali ta’ Romain Perraud (89). Madankollu, kien għad fadal ċans għar-raba’ gowl ta’ Newcastle meta Bruno Guimaraes (90) sab ir-rokna tax-xibka għall-isbaħ gowl tal-logħba. B’dan ir-riżultat, il-Geordies, issa, estendew l-‘unbeaten run’ fil-kampjonat għal disa’ logħbiet.

Gowl skurjat sekondi mit-tmiem minn Michael Olise ikkonferma l-ewwel rebħa għal Crystal Palace barra minn darhom għall-ispejjeż ta’ West Ham United fil-London Stadium. Olise, bl-aħħar xutt tal-logħba, sab ir-rokna tax-xibka wara li l-ballun kien ħabat mad-difensur Cresswell biex ħalla lill-gowlkiper Fabianski iħares.

Kienu West Ham li marru fil-vantaġġ minn Said Benrahma wara biss 20 minuta, iżda Wilfried Zaha (41) wieġeb għall-Eagles wara xogħol tajjeb ta’ Eberechi Eze.

Lejn l-aħħar tal-logħba, il-Hammers kellhom deċiżjoni għal penalty imħassra wara li Guehi deher iwaqqa’ lil Antonio fil-kaxxa – u qabel wasal il-mument maġiku ta’ Olise li waqqaf is-sensiela ta’ riżultati utli għal West Ham quddiem il-pubbliku tagħhom.

Żewġ gowls skurjati fl-ewwel taqsima mill-Eġizzjan, Mohamed Salah, kienu biżżejjed biex jagħtu rebħa diffiċli lil Liverpool fuq Tottenham Hotspur f’The New White Hart Lane. Dan, intant, hu riżultat ieħor li jiftaħ beraħ il-ġlieda għat-Top Four tal-Premier Ingliż wara l-fażi bikrija tal-kampjonat.

Din kienet anki l-ewwel rebħa ta’ Liverpool fil-kampjonat barra minn darhom iżda mhemmx dubju li Spurs kien jimmeritahom imqar punt wara li, fit-tieni taqsima, fetħu assedju kontinwu fuq il-lasta tar-Reds li salvaw ir-rebħa b’mhux ftit tal-affann.

Salah kien l-aqwa plejer ta’ Liverpool u kellu jistenna biss ħdax-il minuta biex jiftaħ l-iskor fuq il-pass ta’ Darwin Nunez. U ħames minuti mill-mistrieħ, l-istess Salah approfitta mid-daqqa ta’ ras qasira ta’ Eric Dier biex jirdoppja b’kalma kbira.

Iżda t-tieni taqsima kienet kollha ta’ marka ‘Spurs’ li fetħu attakk wara l-ieħor fuq il-lasta ta’ Alisson Becker. Ivan Perisic laqat il-mimduda mill-viċin waqt li Bissouma mar viċin li jnaqqas id-distakk qabel Harry Kane sab l-angolu tax-xibka b’xutt preċiż, 20 minuta mit-tmiem.

Il-gowl ta’ nifs ġdid lil Spurs iżda huma ma setgħux isibu l-gowl tad-dro wara li r-Reds ma ħarġux mill-qoxra difensiva u fejn irnexxielhom iżommu l-vantaġġ minimu sat-tisfira finali.