Futbol Sport

Rebħiet għal Lazio u Juventus fuq ir-rivali tagħhom

(Ritratt:EPA)

Lazio u Juventus rebħu l-iktar żewġ logħbiet importanti tal-Ħadd meta għelbu lil Roma u Inter rispettivament.

Lazio rebħu d-derby tal-kapitali meta b’gowl fl-ewwel taqsima għelbu lil Roma 1-0. Gowl li wasal wara żball banali fid-difiża ta’ Roma meta Ibanez tilef il-ballun u Felipe Anderson ma kellux diffikultà jixħet fix-xibka mill-viċin. Fit-tieni taqsima Roma attakkaw bla heda iżda kienu konfużi fl-ideat u Lazio għalqu tajjeb biex rebħu l-iktar logħba mportanti tal-istaġun.

Filgħaxija Juventus għelbu lil Inter fl-hekk imsejjaħ derby d’Italia. Inter kienu aħjar fl-ewwel taqsima fejn Dumfries falla ċans tad-deheb minn quddiem il-lasta, iżda Juventus lagħbu aħjar wara l-intervall l-iktar wara li Rabiot fetaħ l-iskor b’xutt angolat wara azzjoni ta’ Kostic. L-istess Kostic kien sfortunat meta xutt tiegħu ħabat ma’ sieq il-lasta filwaqt li Juventus kellhom ukoll gowl ta’ Danilo mħassar wara konsultazzjoni mal-VAR. Sitt minuti mit-tmiem Fagioli għalaq il-logħba meta xutt tiegħu mxellef minn Gosens spiċċa fix-xibka.

Fil-logħbiet l-oħra Bologna dawru telfa f’rebħa kontra Torino, filwaqt li Fiorentina komplew kabbru l-problemi ta’ Sampdoria meta għelbuhom 2-0 f’Genova.