Lokali

Salvati seba’ persuni wara nirien f’kumpless tal-garaxxijiet Tas-Sliema

Nirien jaħkmu kumpless tal-garaxxijiet f’Tas-Sliema filwaqt li ġew salvati seba’ persuni.

Dan seħħ il-Ħadd filgħodu għall-ħabta tal-4:00am fi Triq Ġuże’ Howard f’Tas Sliema.

Il-Pulizija kif ukoll il-Protezzjoni Ċivili marru immedjatament fuq il-post u issejjaħ tim mediku minn Mater Dei. Fortunatament, ħadd ma’ weġġa’ kawża ta’ dan in-nirien filwaqt li diversi nies li jgħixu f’din iż-żona ġew evakwati għas-sigurta’ tagħhom.

Intant, il-Protezzjoni Ċivili f’post fuq il-midja soċjali qalu li din l-operazzjoni involviet sitt Uffiċjali u għoxrin pumpiera hekk kif irnexxielhom iżommu n-nirien fil-kumpless tal-garaxxijiet. Barra minn hekk, irnexxielhom isalvaw seba’ persuni li ma setgħux jevakwaw minħabba duħħan li kien hemm fil-binja.

Il-Pulizija fetħet inkjesta rigward dan il-każ li qed titmexxa mill-Maġistrat Nadine Lia.