Lokali

Użu akbar tal-mezzi online biex nikkomunikaw

Il-Maltin naqsu l-użu tal-SMSs għaliex jippreferu jużaw pjattaformi online sabiex jikkomunikaw man-nies. Rapport tal-Awtorita Maltija tal-Komunikazzjoni żvela li fl-2021 ntbgħatu madwar ħdax-il miljun SMS inqas mis-sena ta’ qabel.

L-ammont ta’ messaġġi li jintbgħatu qegħdin jonqsu kull sena, iżda minn naħa l-oħra t-telefonati u l-użu tal-mobile data żdiedu. Dan ir-rapport jindika li n-nies qed isibu modi differenti sabiex jikkomunikaw – fosthom permezz ta’ Whatsapp.

Fl-2017 saru medja ta’ 774 telefonata minn kull persuna filwaqt is-sena li għaddiet saru 786 telefonata; li jfisser żieda marġinali.

Intant, il-minuti ta’ telefonati żdiedu b’32.4miljun mis-sena li għaddiet. U kien hemm tnaqqis ta’ 27% fl-użu tal-linja tat-telefon mid-djar.

Dan juri biċ-ċar li n-nies qed jagħmlu aktar telefonati mill-mobile illum l-ġurnata.

Is-sena l-oħra l-użu tal-mobile data żdied bi 30% hekk kif żdiedet id-dipendenza fuqu. Sal-aħħar tas-sena 2021 60% tal-Maltin investew f’internet ta 100 megabit jew saħansita għola minn hekk għal aktar effiċjenza.

Ir-rapport jirreferi għall-fatt kif fl-2021 id-dinja bdiet ħierġa mill-pandemija tal-Covid u t-telefonati minn pajjiżi oħra żdiedu b’ammont sostanzjali. Iżda għadna ma lħaqniex in-numri ta’ qabel il-pandemija.