Raġel minn Santa Venera nżamm arrestat wara li dalgħodu tressaq il-Qorti, akkużat b’attakk ta’ ħruq fil-Marsa li fih qered karozza li hija ta’ personalità tal-midja soċjali lokali Adrian Zammit, magħruf bħala il-Bebbuxu. Charles Mangion ta’ 51 sena tressaq quddiem il-maġistrat Elaine Merceica, akkużat li wettaq l-attakk ta’ ħruq qered Mini SUV ta’ Zammit u għamel ħsara lil scooter ipparkjat fil-viċin.
L-Ispettur Jeffrey Scicluna, li qed imexxi l-prosekuzzjoni flimkien mal-Ispettur Mario Xiberras u l-avukati Andreas Vella u Daniel Tabone mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, qal lill-Qorti kif l-għassa tal-Ħamrun kienet irċeviet rapport ta’ karozza li nħarqet fil-Marsa fis-1am tat-30 ta’ Ottubru.
Waqt l-investigazzjoni konġunta sussegwenti mill-Pulizija tal-Arsons Unit u Major Crimes Unit ħareġ li l-awtur kien wasal fuq il-post f’Toyota Starlet, saq diversi drabi madwar l-inħawi, qabel l-ewwel tefa’ borża blu taħt il-karozza, imbagħad xerred likwidu fuqha u fl-aħħar qabbadha.
L-investigaturi kienu għarfu mill-ewwel lil Mangion, li kien diġà magħruf mal-pulizija minħabba l-fatt li xejn inqas minn ħames karozzi tiegħu kienu nqerdu min-nirien. Sa l-aktar inċident riċenti, il-pulizija ma kellhomx provi biżżejjed biex jakkużawh bi frodi fl-assigurazzjoni.
Filmati ta’ CCTV f’kumpless ta’ garaxxijiet fil-Qawra urew lil Mangion qed jgħabbi oġġetti fit-Toyota ftit qabel l-inċident, u ħatt oġġetti wara. Tfittxija tal-pulizija fil-garaxx ta’ Mangion kienet irkuprat pjanċi tan-numri li kienu ġew irrappurtati misruqa fil-bidu ta’ Ottubru.
Fil-Qorti Mangion ikkonferma li kien jgħix il-Qawra, fil-bidu qal lill-Qorti li kien bla xogħol, qabel ammetta li jagħmel “ftit xogħol”. L-Avukat difensur Mario Mifsud f’isem il-klijent tieg]u wieġeb mhux ħati. Il-prosekuzzjoni esebit numru ta’ dokumenti, fosthom ‘timeline; b’ritratti miġbura minn diversi CCTV cameras u stqarrija awdjoviżiva tal-akkużat.
L-Avukat Mifsud talab il-ħelsien mill-arrest għall-akkużat, bil-prosekuzzjoni toġġezzjona għar-raġuni li kien suġġett ta’ investigazzjonijiet li għadhom għaddejjin, kemm dwar dan ir-reati kif ukoll oħrajn, kif ukoll il-fatt li żewġ vittmi kienu għadhom iridu jixhdu. Wieħed minnhom huwa ħabib tal-akkużat, li dan l-aħħar kien ħareġ jiekol miegħu, qal l-ispettur.
“Hu jaf fejn jgħix ix-xhud, għalhekk qed noġġezzjonaw għall-libertà proviżorja”, qalet il-prosekuzzjoni. L-Avukat Mifsud sostna li l-każistika kienet stabbilixxiet li investigazzjonijiet li għaddejjin ma jistgħux jintużaw biex jiġġustifikaw rifjuti ta’ pleġġ u li l-evidenza tidher li diġà nġabret.
“Ma nemminx li għandu jinżamm arrestat għax ħareġ jiekol. Jistgħu jiġu imposti restrizzjonijiet mill-qorti,” sostna l-avukat. Kien hemm ukoll aspetti soċjali u familjari li jimmilitaw biex ir-raġel jinħeles mill-arrest. Għandu residenza fissa u xogħol, żied Mifsud. Il-Qorti, iżda, ordnat li r-raġel jinżamm arrestat, u semmiet ir-riskju li jersaq lejn ix-xhieda fi sforz biex jinfluwenzahom.
//= $special ?>