Futbol Sport

Birkirkara u Hibernians jitbgħedu aktar minn mal-leaders Ħamrun

(Ritratt: Trevor Sollars)

Hamrun Spartans jibqgħu bla telfa

F’konfront bejn żewġ timijiet li qed jittamaw li jissieltu għar-rebħ tal-unuri, Birkirkara u Hibernians spiċċaw fi draw ta’ 1-1, riżultat li l-aktar li ssodisfa kien lil Ħamrun Spartans u Gżira United. Kienet logħba b’żewġ uċuħ fejn l-Istripes kienu l-aħjar tim fl-ewwel taqsima fejn ukoll marru meritatament fil-vantaġġ filwaqt li l-Pawlisti tjiebu fit-tieni ħamsa u erbgħin minuta. Tant hu hekk li huma kisbu l-gowl tad-draw permezz ta’ Kurt Shaw, inċidentalment l-ewwel wieħed tiegħu mal-klabb. Punt kull wieħed fejn it-tnejn li huma baqgħu bl-istess numru ta’ punti fil-klassifika. Kemm Hibernians kif ukoll b’mod partikolari Birkirkara riedu l-punti massimi minn din il-partita wara li fl-aħħar logħbiet fallew kontra avversarji anqas ikkwotati minnhom.  L-Istripes imisshom kompitu diffiċli, konfront dirett ieħor kontra Gżira United filwaqt li suppost aktar faċli għal Hibernians kontra Pieta.

Ħamrun Spartans kisbu d-disa’ rebħa tal-istaġun dan wara li huma għelbu lil Balzan b’gowl uniku skurjat fl-aħħar parti tal-logħba mill-Bra#iljan Jonny li daħal bħala sostitut fit-tieni taqsima. Din ma’ kienetx xi logħba faċli għall-Ispartans li sabu lil Balzan tim organizzat b’mod partikolari fid-difiża. Ħamrun riedu li jżommu r-rekord tal-uniku tim bla telfa ntatt u hekk għamlu. Mhux talli hekk iżda kisbu tlett punti oħra li bihom żammew il-vantaġġ ta’ seba’ punti fuq it-tieni tim klassifikat, Gżira United. Balzan kienu ġejjin minn telfa kontra Valletta fl-aħħar logħba filwaqt li naqsu li jirbħu wkoll fiż-żewġ logħbiet preċedenti fejn l-aħħar rebħa kienet kontra Pieta fil-bidu t’Ottubru. Ħamrun b’hekk pattew għad-diżappunti riċenti kontra Balzan fejn l-aħħar rebħa kontrihom kienet tmur lura għall-istaġun 2020/21. Iżda għat-tieni ġimgħa konsekuttiva kellu jkun player sostitut li rebbaħ il-partita lil Ħamrun. U dan jkompli jikkonferma l-qawwa li huma għandhom fl-iskwadra.

L-awtur tal-gowl tar-rebħa Jonny jipprova jisgiċċa bosta plejers ta’ Balzan (Ritratt: Joseph Galea)

Wara li l-ġimgħa li għaddiet huma kellhom ibaxxu rashom kontra Ħamrun Spartans, Gżira United irritornaw għar-rebħ dan wara li huma għelbu lil Mosta bl-iskor ta’ 2-0. Kienet wirja tajba mill-Maroons kontra wieħed mit-timijiet li kien jinsab fil-forma. Fillfatt Gżira kellhom ħafna aktar mill-pussess fejn wara li ħadu vantaġġ bikri mis-solitu Maxuell Maia sofrew xi ftit il-pressjoni avversarja. Minkejja dan Gżira kienu organizzati biex fl-aħħar parti tal-logħba ssiġillaw ir-rebħa b’gowl skurjat minn Jefferson. B’din ir-rebħa l-Maroons issa jinsabu waħidhom fit-tieni post tal-klassifika fejn ir-riżultat tal-konfront dirett bejn Hibernians u Birkirkara kien l-aktar wieħed mixtieq. Konxji mill-fatt li issa jridu jiffaċċjaw lil Birkirkara, rebħa minn din il-logħba kienet importanti. Mill-banda l-oħra Mosta jibqgħu fis-sitt post tal-klassifika.

Il-logħba bejn Pieta Hotspurs u Marsaxlokk intemmet fi draw ta’ 1-1.  Dan jista jitqies bħala konfront bejn żewġ timijiet li qed jissieltu kontra r-relegazzjoni minkejja li x-Xlukkajri dan l-aħħar kellhom diversi logħbiet pożittivi li fihom ġabu l-punti. Il-kowċ tal-Hotspurs Rodney Bugeja għamel bidla waħda fejn Camara beda minflok Latif filwaqt li żewġ bidliet minn Marsaxlokk fejn Peter Xuereb u Santiago Moracci flok Edafe u Aguirre. L-ewwel taqsima kienet pjuttost deludenti fejn ftit li xejn rajna. Ta’ min jinnota wkoll li l-kundizzjonijiet tat-temp kienu tali li ftit setgħu jgħinu li naraw xi logħob meqjus. Punt għal Pieta li xorta waħda baqgħu jokkupaw qiegħ il-klassifika. Mill-banda l-oħra wieħed stenna aktar mix-Xlukkajri wara rebħa fuq Birkirkara u draw kontra Hibernians.

Finalment waslet l-ewwel rebħa għal Sirens dan wara li huma għelbu lil Gudja United bl-iskor ta’ 2-0. L-eroj tat-tim minn San Pawl il-Baħar kien l-attakkant Ġappuniż Kei Sano li skorja ż-żewġ gowls tagħhom. Kienu Gudja li ddominaw il-pussess bit-tim immexxi minn Winston Muscat li kien sospiż għal din il-partita jopera bit-transizzjoni pożittiva. Għal Gudja din kienet it-tielet telfa tal-istaġun iżda xorta waħda żammew il-ħames post tal-klassifika. Din ir-rebħa, apparti t-tlett punti li Sirens kisbu li bihom telgħu b’disa’ punti tista tkun injezzjoni psikoloġika sabiex it-tim minn San Pawl il-Baħar jibda jemmen aktar fil-kapaċitajiet tiegħu. Għal Gudja wara bidu tajjeb għal dan il-kampjonat jidher li f’dawn l-aħħar logħbiet tilfu xi ftit il-formula rebbieħa. Qabel il-waqfa internazzjonali jmisshom logħba diffiċli oħra kontra Floriana. Sirens mill-banda l-oħra b’ċans li jkomplu jibnu fuq din ir-rebħa meta jiffaċċjaw lil M’Xlokk.

B’gowl uniku skurjat fl-aħħar mumenti tal-logħba Floriana kisbu rebħa u tlett punti għas-spejjeż ta’ Santa Lucia. Kellu jkun il-penalty ta’ Oualid El Hasni li ddeċieda l-partita favur il-Greens. Wara li l-ġimgħa li għaddiet Floriana għelbu lil Żebbuġ Rangers huwa kisbu rebħa oħra li biha komplew telgħin aktar il-fuq fil-klassifika. Il-kowċ ta’ Floriana Gianluca Atzori wettaq żewġ bidliet mill-aħħar logħba fejn Nwoko u Callegari bdew flok Juarez u Zammit Lonardelli. Fit-tmun ta’ Santa Lucia l-kowċ Vincenzo Potenza li ħa t-tmexxija tat-tim matul il-ġimgħa li għaddiet. Fil-fatt minkejja l-wirja tajba li kellu fl-aħħar partita l-gowlkeeper Ciappara, Potenza għażel li jibda b’Calleja Cremona. U dan tal-aħħar ta r-risposta għaliex kien huwa li żamm lil Santa Lucia fil-logħba b’diversi saves.

Valletta kisbu t-tieni rebħa konsekuttiva dan wara li kif kien mistenni huma għelbu lil Żebbuġ Rangers bl-iskor ta’ 3-0. Wara taqsima mingħajr gowls il-logħba splodiet fit-tieni taqsima fejn wara li l-Beltin ħadu l-vantaġġ huma qatt ma’ ħarsu lura biex ħarġu meritatament rebbieħa. Rebħa importanti għal Valletta fejn minkejja li żammew l-istess posizzjoni fil-klassifika għalqu aktar mat-timijiet li jinsabu quddiemhom. Għal Żebbuġ Rangers din kienet it-tmien telfa staġjonali fejn issa jinsabu fl-aħħar post tal-klassifika b’punti daqs Pieta Hotspurs wara d-draw li kisbu dawn tal-aħħar kontra Marsaxlokk. Żgur li l-logħba li jmisshom ir-Rangers hija waħda diffiċli ħafna hekk kif huma jridu jiffaċċjaw lil-leaders Ħamrun Spartans. Għal Valletta test xi ftit riskjuż meta jsibu lil Santa Lucia.

Wieħed mill-iskorers ta’ Valletta Nnomo (Ritratt: Catriel Farrugia)

INNUTAJNA

LI  ta’ min jammira l-ftit mijiet ta’ partitarji li marru jsegwu l-logħba fit-Tony Bezzina Stadium bejn Hibernians u Birkirkara. Il-kundizzjonijiet huma tali li persuna li tħallas €10 u m’hemmx ilqugħ la għax-xemx u wisq aktar għax-xita ser ikun diffiċli biex tkompli tersaq lejn il-grawnd aktar ma’ tidħol ix-xitwa.

(Ritratt: Trevor Sollars)

LI d-difensur internazzjonali Malti James Brown skorja gowl il-ġmiel tiegħu fir-rebħa li St Johnstone kisbu kontra Rangers bl-iskor ta’ 2-1. Għal Brown dan kien l-ewwel gowl tiegħu ma’ St Johnstone li bih huma kisbu l-ewwel rebħa kontra Rangers wara nuqqas t’erba’ snin.

LI  minkejja l-maltemp li għamel matul tmiem il-ġimgħa b’mod partikolari s-Sibt, il-pitch tat-Tony Bezzina Stadium baqa f’kundizzjoni tajba. Ovvjament li ma’ kienx perfett imma li jkollok dak il-maltemp qawwi u jintlagħbu dawk il-logħbiet kollha fuqu jfisser ħafna.