Lokali Sport

Devis Mangia jirreżenja minn kowċ nazzjonali

Devis Mangia

L-MFA għadha kemm ħabret permezz ta’ stqarrija uffiċjali, li l-Bord Eżekuttiv tal-assoċjazzjoni li ltaqa’ llum b’urġenza, ħa d-deċiżjoni li jaċċetta r-riżenja ta’ Devis Mangia minn kowċ nazzjonali Malti. 

L-istqarrija tgħid li permezz ta’ ittra uffiċjali, il-kowċ Taljan ikkomunika d-deċiżjoni tiegħu lill-MFA, dik li b’seħħ immedjat kien qed jirreżenja minn kowċ ta’ Malta u mir-rwol ta’ Head Coach għat-timijiet kollha nazzjonali.

Intant fi stqarrija moghtija lil kmarmar tal-aħbarijiet mill-avukata ta’ Mangia Dr. Gianella De Marco, l-eks kowċ tat-tim Nazzjonali kkonferma li kien informa lil MFA bir-rizenja tiegħu wara ħsieb fit-tul. L-istqarrija tkomi tgħid li fiż-żmien li kien imexxi t-tim Nazzjonali Mangia dejjem għamel dan b’passjoni u bla favuri fl-aħjar interess tal-futbol Malti u t-tim Nazzjonali. Huwa kompla jgħid li r-riżultati miksuba f’dan il-perjodu huma frott il-ħidma ta’ ħafna individwi li jġibu l-futbol qabel kull ħaġa ohra.

Mangia kompla jisħaq li hu mhux talli jiċħad l-allegazzjoniet miġjuba kontrieh iżda jikkonferma wkoll li l-Malta Football Association ma akkużatu bl-ebda abbuż sesswali. Mangia qal li minkejja dan iddeċieda li jersaq pass lura sabiex it-tim Nazzjonali jkompli bil-preparazzjoni tiegħu għall-logħbiet importanti li ġejjin. Fl-aħħar nett Mangia awgura lill-Malta Football Association u qal li m’għandux dubju li se jkomplu jibnu duq ix-xogħol li sar fl-aħħar tliet snin.