Għalkemm fl-aħħar jiem kien hemm dubji jekk kienx se jattendi għall-COP-27, il-Prim Ministru tar-Renju Unit Rishi Sunak fl-aħħar sigħat wasal fl-Eġittu f’dik li hi l-ewwel opportunita’ tiegħu sabiex jibni relazzjonijiet b’saħħithom ma’ pajjiżi oħra, u biex flimkien jieħdu azzjoni dwar il-bidla fil-klima.
Sunak jittama wkoll li l-preżenza tiegħu għal dan is-summit tpoġġi lir-Renju Unit f’lenti pożittiva wara dak kollu li ġara fix-xena politika Brittannika tul dawn l-aħħar xhur.
Hu diġa’ kellu laqgħat mal-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen, u mal-Prim Ministru Taljan Giorgia Meloni fost l-oħrajn.
Fid-diskors tal-ftuħ il-President tal-Eġittu qal li d-dinja qed taffaċċja problema kbira wara l-oħra, u għalhekk insista li waqt dan is-summit il-pajjiżi għandhom ħidma kbira quddiemhom sabiex jimplimentaw kemm jistgħu affarijiet sabiex id-dinja tmur għall-aħjar.
Waqt dan is-summit s’issa diġa’ tkellmu diversi mexxejja ta’ pajjiżi differenti, attivisti tal-bidla fil-klima kif ukoll esperti – li kollha saħqu fuq l-importanza li jkollna arja aktar nadifa.
L-Eġittu insista illi l-għan ta’ din il-konferenza għandu jibqa’ wieħed; sabiex jiġu implimentati l-wegħdiet li saru is-sena li għaddiet waqt il-laqgħa ta’ Glasgow. Għalkemm sorsi qed jindikaw li din id-darba, is-summit se jkun ferm aktar diffiċli – għaliex se jikxef id-diverġenzi li hemm bejn diversi pajjiżi.
Preżenti fl-Eġittu hemm 120 mexxej minn madwar id-dinja kollha, u total ta’ 45,000 persuna illi jinkludu d-delegazzjonijiet internazzjonali.
Intant qabel il-ftuħ tas-summit, l-attivista poplari Greta Thunberg ikkonfermat li mhux se tattendi għall-COP27 għaliex il-pajjiżi qatt ma jiddiskutu l-akbar kriżijiet li hawn bħalissa rigward is-sitwazzjoni tal-bidla fil-klima.
//= $special ?>