Ingħata l-aħħar tislima l-eks Prim Ministru ta’ Malta, Karmenu Mifsud Bonnici.
Il-funeral sar fil-Knisja tal-Immakulata Kunċizzjoni, il-Ħamrun iċċelebrata mill-Arċisqof ta’ Malta, Charles J. Scicluna.
“Għamel ħafna ġid u dejjem għin lil dawk fil-bżonn fil-kwiet u fis-skiet,” qal waqt il-prietka n-neputi ta’ Karmenu, Monsinjur Joseph Galea Curmi. “Minnu tgħallimna ngħixu l-aħjar ħajja possibli filwaqt li dejjem wera imħabba kbira lejn il-familja kollha tiegħu. Wera karità mhux lil dawk qrib tiegħu iżda wkoll fil-ġustizzja soċjali, li bdiet meta kien attiv minn mindu kien żagħżugħ. Kien lest li jmur kontra l-kurrent la darba kien jemmen f’xi ħaġa partikolari.”
Preżenti għall-funeral, qraba u ħbieb tiegħu, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech, l-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi, il-Prim Ministru Robert Abela, l-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati, Anġlu Farrugia, u diversi persuni distinti oħra.
Fil-jum tal-funeral, il-bnadar ta’ bini pubbliku ttajru mezz’asta b’rispett għal Mifsud Bonnici. Fuq xewqa tiegħu stess, Mifsud Bonnici ma ngħatax funeral statali.
Mifsud Bonnici ħalla din id-dinja fis-sigħat bikrin tas-Sibt filghodu fl-età ta’ 89 sena.
L-eks Mexxej Laburista kien it-tielet Prim Ministru fl-istorja ta’ pajjiżna, minn wara li Malta saret stat Indipendenti… u serva bħala Prim Ministru bejn l-1984 u l-1987.
Mifsud Bonnici mexxa lil Partit Laburista mill-1984 sal-1992. Iżda baqa’ attiv sas-snin riċenti….mhux biss fil-Qorti, iżda wkoll bil-ħidma tiegħu kontra d-dħul ta’ Malta fl-UE, u l-attiviżmu qawwi biex jinżamm ħaj l-ispirtu tas-Soċjaliżmu veru.