Il-Gvern Taljan ta’ Giorgia Meloni qed jaffaċja l-ewwel kriżi ta’ immigrazzjoni – il-każ tal-bastiment Geo Barnets, reġistrat taħt il-bandiera Norveġiża.
Dan il-vapur daħal fil-Port ta’ Katanja fi tmiem il-ġimgħa; u mal-ewwel xegħel dibattitu nazzjonali.
S’issa minn fuq il-Geo Barnets tħallew jinżlu 357 persuna. Dawk kienu nisa, tfal u persuni morda. Iżda fuq il-bastiment għad hemm maqbudin 215-il immigrant.
Il-Geo Barnets ma kienx l-uniku vapur bl-immigranti li dahal Sqallija fl-ahhar 24 siegha. Apparti dan, kien hemm ukoll il-vapur Humanity 1 li fuqu għad hemm maqbuda 35 immigrant.
Dawn il-wasliet issa qed ikunu investigati mill-Prokura ta’ Katanja, illi tat bidu għal inkjesta dwar il-possibbiltà li abbord dawn il-bastimenti kien hemm traffikanti ta’ persuni – u allura, il-possibbiltà ta’ kriminali li kienu fuq dawn il-vapuri bħala parti minn network internazzjonali ta’ traffikar.
Anke l-Vici Prim Ministru Taljan Matteo Salvini ikkummenta f’dan is-sens, u għamilha ċara li dawn kienu vjaġġi organizzati.
Sorsi qed jgħidu li l-kriżi tal-immigrazzjoni, f’dawn il-jiem, se tkompli tgħolli rasha. B’rapporti jindikaw li hemm vapur iehor b’500 persuna abbord – fiz-zona SAR ta’ Malta.
Barra l-kosta ta’ Sqallija hemm ukoll żewġ vapuri oħra bl-immigranti; il-bastiment Rise Above ta’ ngo Ġermaniża u l-vapur Norveġiż Ocean Viking.