Lokali

L-Awtorità tal-Ippjanar tikser il-Liġi, tinjora lill-Ombdusman u tmur kontra l-esperti tagħha stess – PN

L-Awtorita' tal-Ippjanar

“Il-Partit Nazzjonalista ilu jisħaqq li l-Awtorità tal-Ippjanar laħqet livell ta’ arroganza fejn tħossha ‘l fuq mil-Liġi, tant li tikser il-Liġi, tinjora lill-Uffiċju tal-Ombudsman u awtoritajiet oħra u tmur kontra l-pariri tal-esperti tagħha stess. Dan it-tip ta’ aġir ġie kkonfermat mill-Qorti ta’ Malta f’sentenza riċenti.”

Fi stqarrija maħruġa minn Stanley Zammit, Kelliem għall-Ippjanar, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, hu saħaq li fid-deċiżjoni tagħha, fil-kawża li l-Kamra tal-Periti, Din L-Art Ħelwa u Flimkien għal Ambjent Aħjar għamlu kontra l-Awtorità tal-Ippjanar u l-Enemalta plc, il-Qorti ma qagħdietx tgħomod diskorsha u kkonfermat li, bl-awtorizzazzjoni lill-Enemalta plc biex tkun tista’ twaqqa’ s-Sea Malta Building, binja ta’ valur arkitettoniku kbir bi stil modernist fin fix-Xatt tal-Għassara tal-Għeneb, din l-entità tal-Gvern ħassitha ‘l fuq mil-Liġi meta fil-fatt ma kienx minnu li kien hemm periklu ta’ tiġrif fl-istess binja.

Il-Kelliem għall-Ippjanar, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni kompla billi qal li l-Qorti enfasizzat li fil-qasam tal-liġijiet ambjentali u tal-ippjanar tħalla bieb għal azzjoni popolari minn kull min għandu għal qalbu l-ambjent u d-dehra ta’ Malta. Persuni li jissottomettu motivazzjonijiet raġunati bbażati fuq konsiderazzjonijiet ambjentali u/jew tal-ippjanar jistgħu jieħdu azzjonijiet fil-Qorti f’każi relatati, similarment kif isir quddiem it-Tribunal ta’ Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar.

“Il-Qorti ċanfret bil-qawwa kollha lill-Awtorità tal-Ippjanar, li injorat ir-rapporti ta’ entità kompetenti bħalma hi l-Kamra tal-Periti, injorat rapport tal-Kummissarju għall-Ambjent u l-Ippjanar fi ħdan l-Uffiċċju tal-Ombudsman u injorat rapport ta’ uffiċjali tal-istess Awtorità. Il-Qorti ddikjarat li l-Awtorità tal-Ippjanar u l-Enemalta plc, ippruvaw jgħattu x-xemx bl-għarbiel bi skużi frivoli.”

“Il-Qorti kkundannat il-prassi għal kollox illegali fejn l-Awtorità tal-Ippjanar toqgħod fuq ir-rapport tal-periti tal-klijenti minflok ma tibgħat lil perit tagħha. Il-Partit Nazzjonalista u għaqdiet ambjentali ilhom jiġbdu l-attenzjoni lill-Awtorità tal-Ippjanar li din il-prassi hi parti minn abuż fejn patrimonju storiku u arkitettoniku jitwaqqa’ bl-iskuża li hu strutturalment ta’ periklu wara li jkun tħalla jiddeterjora. Il-Qorti qalet li l-Awtorità tal-Ippjanar ħaqqha ċanfira kbira jekk mingħaliha li hija ‘l fuq mil-Liġi jew li tista’ ma toqgħodx mal-Liġi jekk jidhrilha li dik il-Liġi mhix importanti.”

Il-Partit Nazzjonalista jinnota li dan hu biss wieħed minn numru ta’ każi, fosthom dawk ta’ xogħol ta’ toroq, il-Power Station tal-Electrogas u oħrajn, fejn l-Awtorità tal-Ippjanar, taħt imnieħer il-Gvern jekk mhux wara pressjoni minn Kastilja, aġixxiet b’dan il-mod.

Il-Partit Nazzjonalista mhux biss jinsisti li l-Awtorità tal-Ippjanara tikkonsidra bl-akbar serjetà ir-rakomandazzjonijiet ta’ esperti u entitajiet kompetenti li ġenwinament għandhom għal qalbhom l-ambjent u l-wirt artitettoniku ta’ pajjizna, iżda wkoll li l-istess Awtorità tibni l-kompetenzi interni meħtieġa biex tħares il-kwalità tal-ħajja tagħna billi, fost oħrajn, tħares dawn it-tip ta’ strutturi minn abbużi sfaċċati.

Hu għalhekk ukoll li l-Partit Nazzjonalista jenfasizza li l-għaqdiet ambjentali u l-Kunsilli Lokali għandu jkollhom leħen aktar b’saħħtu fl-Awtorità.